Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Benessri tal-annimali waqt it-trasport — regoli dwar postijiet ta’ waqfien

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 dwar kriterji tal-UE għal postijiet ta’ kontroll u li jemenda l-pjan tar-rotta għat-trasport tal-annimali

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi regoli għal postijiet ta’ kontroll fejn l-annimali jistrieħu għal mill-inqas 12-il siegħa matul waqfiet obbligatorji waqt vjaġġi ta’ distanza twila fi ħdan l-UE. Dawn huma maħsuba sabiex jiżguraw l-aħjar kundizzjonijiet għall-benessri tagħhom.

PUNTI EWLENIN

  • Il-postijiet ta’ kontroll iridu:
    • ikunu jinsabu f’żona ħielsa minn kwalunkwe restrizzjoni għas-saħħa tal-annimali;
    • ikunu taħt l-awtorità ta’ veterinarju uffiċjali;
    • ikunu suġġetti għal spezzjonijiet regolari mill-inqas darbtejn fis-sena;
    • jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-UE kollha dwar is-saħħa tal-annimali;
    • josservaw miżuri ta’ saħħa u ta’ iġjene ddettaljati, standards tal-bini u regoli operazzjonali. Dawn ikopru l-materjal għall-irqad u l-mifrex tal-annimali, tagħmir għat-taħbija u l-ħatt u t-trattament tal-annimali matul il-waqfa tagħhom.
  • Il-postijiet ta’ kontroll jintużaw biss biex jirċievu, jitimgħu, jisqu, iservu ta’ post fejn jistrieħu, jiġu akkomodati, jiġu kkurati u jintbagħtu annimali li jgħaddu minnhom.
  • Annimali f’kunsinni differenti jistgħu jkunu preżenti biss fl-istess ħin jekk ikollhom l-istess status ta’ saħħa ċertifikat.
  • L-awtorità nazzjonali rilevanti tapprova u toħroġ numru għal kull post ta' kontroll. L-approvazzjoni tista’ tkun limitata għal ċerti speċijiet jew kategoriji ta’ annimali u l-istatus ta’ saħħa tagħhom.
  • Is-sidien tal-postijiet ta' kontroll iridu:
    • jaċċettaw biss annimali ċertifikati jew identifikati skont il-leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti;
    • jiżguraw li l-annimali tingħatalhom kura, jintemgħu u jiġu misqija kif meħtieġ;
    • isejħu għal veterinarju jekk dan ikun meħtieġ biex jiġi trattat jew jintbagħat l-annimal;
    • jagħmlu użu minn persunal b’taħriġ xieraq u kompetenza professjonali;
    • jinnotifikaw lill-awtoritajiet rilevanti fi żmien jum ta’ xogħol wieħed dwar it-tluq ta’ kunsinna;
    • jinfurmaw lill-awtorità kompetenti minn kmieni kemm jista’ jkun dwar kwalunkwe irregolarità.
  • Pajjiż tal-UE jrid jissospendi l-użu ta’ post ta’ kontroll jekk iseħħ ksur serju tar-regoli dwar is-saħħa jew il-benessri tal-annimali. Huwa jinforma lill-Kummissjoni Ewropea u lill-pajjiżi tal-UE l-oħrajn.
  • Qabel ma l-annimali jitilqu minn post ta’ kontroll, veterinarju uffiċjali jrid jivverifika li huma kapaċi jkomplu bil-vjaġġ tagħhom.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan japplika mill-1 ta’ Jannar 1999.

SFOND

It-Trattat ta’ Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 2009, jirrikonoxxi li l-annimali huma esseri sensibbli. B’riżultat ta’ dan, il-politiki tal-UE jridu josservaw bis-sħiħ ir-rekwiżiti dwar il-benessri tagħhom.

L-UE adottat leġiżlazzjoni separata dwar:

Għal aktar informazzjoni, ara “Benessri tal-Annimali — Kisbiet ewlenin” fuq il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 tal-25 ta’ Ġunju 1997 dwar kriterji tal-Komunità għal postijiet ta’ waqfien u li jemenda l-pjan ta’ rotta msemmi fl-Anness tad-Direttiva 91/628/EEC (ĠU L 174, 2.7.1997, p. 1-6)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1255/97 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

ATTI RELATATI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport u operazzjonijiet relatati u li temenda d-Direttivi 64/432/KEE u 93/119/KE u r-Regolament (KE) Nru 1255/97 (ĠU L 3, 5.1.2005, p. 1)

Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/544/KE tal-21 ta’ Ġunju 2004 dwar l-iffirmar tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-annimali matul it-trasport internazzjonali (ĠU L 241, 13.7.2004, p. 21)

l-aħħar aġġornament 11.04.2016

Top