EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u sistema ta’ kontroll tas-sajd

SOMMARJU

X’JAGĦMEL IR-REGOLAMENT?

Jistabbilixxi l-EFCA, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, li qabel it-2012 kienet magħrufa bħala l-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd.

l-EFCA timmira li:

  • torganizza l-koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta' kontroll u ta’ spezzjoni tas-sajd ta’ pajjiżi tal-UE;
  • tgħinhom japplikaw ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd (PKS).

PUNTI EWLENIN

il-missjoni u kompiti tal-EFCA huma kif ġej.

  • Li tikkordina:
  • Li tgħin lill-pajjiżi tal-UE:
    • fir-rappurtar ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ sajd u attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni lill-Kummissjoni Ewropea u lil partijiet interessati oħrajn;
    • jaqdu dmirijiethom skont ir-regoli tal-politika tas-sajd.
  • Li tgħin lil pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni:
    • fl-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-politika tas-sajd madwar l-UE kollha;
    • bir-relazzjonijiet ma’ pajjiżi mhux fl-UE fir-rigward tal-ftehimiet dwar is-sajd.
  • Li tikkontribwixxi għal:
    • riċerka u żvilupp ta’ tekniki ta’ kontroll u spezzjoni;
    • spetturi tat-taħriġ u l-iskambju ta’ esperjenza bejn pajjiżi tal-UE.

Organizzazzjoni

L-EFCA, li hija bbażata f’Vigo, fi Spanja, hija magħmula minn:

  • direttur eżekuttiv maħtur għal 5 snin;
  • bord konsultattiv biex jassisti lid-direttur eżekuttiv; u
  • bord amministrattiv (li jikkonsisti minn rappreżentant minn kull pajjiż fl-UE u minn 6 rappreżentanti tal-Kummissjoni) li, fost affarijiet oħra, jaħtar id-direttur eżekuttiv.

Il-bord amministrattiv jikkumissjona evalwazzjoni esterna indipendenti tal-effettività tal-EFCA kull 5 snin.

Koordinazzjoni operattiva

L-EFCA tikkoordina attivitajiet kemm fuq l-art kif ukoll fl-ibħra tal-UE u f'dawk internazzjonali. Dan isir bl-użu ta’ pjanijiet ta’ użu konġunt, li huma mfassla mill-EFCA wara konsultazzjoni mal-pajjiżi tal-UE.

Id-direttur eżekuttiv jibgħat l-abbozz tal-pjanijiet ta’ użu lill-pajjiż Ewropew ikkonċernat u lill-Kummissjoni. Sakemm ma jkunx hemm oġġezzjoni għall-pjan fi żmien 15-il jum ta' xogħol (f'liema każ jintbagħat lill-Kummissjoni biex jirċievi l-bidliet neċessarji), il-pjan jiġi adottat.

Minn hemm, il-pjanijiet ta’ użu:

  • japplikaw il-livelli ta’ kontroll u spezzjoni u proċeduri;
  • jorganizzaw l-użu ta’ mezzi nazzjonali; u
  • jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom pajjiż tal-UE jista’ jidħol fl-ibħra ta’ pajjiż ieħor tal-UE.

L-effettività ta’ kull pjan ta’ eżerċizzju konġunt tiġi evalwata kull sena.

Iċ-ċentru ta’ koordinazzjoni tal-EFCA jipprovdi monitoraġġ, sorveljanza u għodod ta’ komunikazzjoni.

Punti ewlenin addizzjonali

  • L-EFCA tista’ takkwista jew tikri t-tagħmir meħtieġ għall-implementazzjoni tal-pjanijiet ta’ użu konġunt u programmi ta’ kontroll u spezzjoni.
  • Minbarra r-riżorsi umani pprovduti mill-pajjiżi tal-UE għall-programmi ta’ kontroll u spezzjoni, il-persunal tal-EFCA jista' jiġi assenjat bħala spetturi tal-UE f’ibħra internazzjonali.
  • L-EFCA tista’ tistabbilixxi unità ta’ emerġenza biex tiġbor u tevalwa tagħrif u tidentifika għażliet biex tgħin tappoġġja l-PKS jekk ikun espost għal riskju serju li ma jistax jiġi pprevenut b’mezzi eżistenti.
  • L-EFCA tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-politika marittima integrata tal-UE.
  • L-EFCA hija ffinanzjata minn 3 sorsi:
    • il-baġit tal-UE,
    • ħlas għal servizzi pprovduti lil pajjiżi tal-UE, u
    • dħul minn pubblikazzjonijiet, taħriġ u servizzi oħra li tipprovdi.
  • L-EFCA hija involuta f’diversi proġetti ta’ riċerka u żvilupp ta' Orizzont 2020 fl-oqsma ta' sorveljanza marittima u tekniki ta’ osservazzjoni tad-Dinja.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Daħal fis-seħħ fl-10 ta' Ġunju 2005.

SFOND

Fid-dawl tar-riforma tal-PKS fl-2002, kundizzjonijiet armonizzanti għall-implimentazzjoni tar-regoli saru karattersitika ewlenija tal-politika. Tqies neċessarju l-ħolqien ta’ struttura permanenti biex tiġi żgurata l-koordinazzjoni ta' attivitajiet ta’ spezzjoni u ta’ kontroll fis-settur tas-sajd. L-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd (aktar tard EFCA) kienet ir-riżultat ta’ din il-ħtieġa.

ATT

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 tas-26 ta' April 2005 li jistabbilixxi Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 li jistabbilixxi sistema ta’ kontroll li tapplika għall-Politika Komuni tas-Sajd (ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1–14)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 768/2005 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.

l-aħħar aġġornament 14.01.2016

Top