Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Tniġġis żero

L-għan ta’ tniġġis żero hu li nnaqqsu t-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija għal-livelli li ma jkunux ikkunsidrati aktar bħala dannużi għas-saħħa u għall-ekosistemi naturali u li jirrispettaw il-konfini li l-pjaneta tkun tista’ tlaħħaq magħhom u b’hekk noħolqu ambjent ħieles mis-sustanzi tossiċi. It-tniġġis jikkawża mewta minn kull tmienja fl-Ewropa kull sena u hu fattur f’varjetà ta’ kundizzjonijiet mediċi. Hu wieħed mill-ħames muturi ewlenin tat-telf ta’ bijodiversità u qed jhedded is-sopravivenza ta’ iktar minn miljun mit-tmien miljun speċi ta’ pjanti u annimali li huwa stmati li jeżistu fid-dinja.

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea tal-2021, “ Perkors għal pjaneta b’saħħitha għal kulħadd — Pjan ta’ Azzjoni tal-UE: “Lejn tniġġis żero għall-arja, għall-ilma u għall-ħamrija” ”, tistabbilixxi viżjoni integrata għall-2050, tinkludi lista ta’ azzjonijiet li għandhom l-għan li jnaqqsu t-tniġġis fis-sors u tistabbilixxi serjè ta’ miri li għandhom jintlaħqu, l-ewwel nett, sal-2030. Dawn il-miri jinkludu:

  • titjib fil-kwalità tal-arja biex innaqqsu b’tal-inqas 55 % l-għadd ta’ mwiet prematuri li huma kkawżati mit-tniġġis tal-arja;
  • tnaqqis bi 30 % tas-sehem tan-nies affettwati b’mod kroniku mill-ħsejjes mit-trasport;
  • tnaqqis b’25 % tal-ekosistemi tal-Unjoni Ewropea (UE) fejn it-tniġġis tal-arja jhedded il-bijodiversità;
  • tnaqqis b’50 % tat-telf ta’ nutrijenti, l-użu u r-riskju ta’ pestiċidi kimiċi, l-użu tal-pestiċidi l-iktar periklolużi, u l-bejgħ ta’ antimikrobiċi għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura;
  • tnaqqis b’50 % tal-iskart tal-plastik fil-baħar u tal-inqas bi 30 % tal-mikroplastiks rilaxxati fl-ambjent;
  • tnaqqis b’mod sinifikanti tal-ġenerazzjoni totali tal-iskart u b’50 % tal-iskart muniċipali residwu.

Xi eżempji ta’ inizjattivi u azzjonijiet li ser jittieħdu taħt il-pjan:

  • allinjament tal-istandards tal-kwalità tal-arja iktar qrib l-aħħar rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa;
  • reviżjoni tal-istandards tal-kwalità tal-ilma, inkluż fl-ixmajjar u l-ibħra tal-UE;
  • tnaqqis tat-tniġġis tal-ħamrija u tat-tisħiħ tar-restawrazzjoni tal-ħamrija;
  • reviżjoni tal-liġijiet tal-UE dwar l-iskart biex tnaqqas it-tniġġis u tadatta għall-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari;
  • trawwim tat-tniġġis żero mill-produzzjoni u l-konsum;
  • tnaqqis tal-inugwaljanzi fis-saħħa kkawżati mis-sehem sproporzjonat tal-impatti dannużi fuq is-saħħa li bħalissa qed jiġġarrbu minn dawk l-iktar vulnerabbli;
  • tnaqqis tal-impronta tat-tniġġis esterna tal-UE billi tirrestrinġi l-esportazzjoni ta’ prodotti u skart li għandhom impatti dannużi jew tossiċi f’pajjiżi mhux tal-UE.

ARA WKOLL

Top