Valitse kokeelliset ominaisuudet, joita haluat kokeilla

Tämä asiakirja on ote EUR-Lex-verkkosivustolta

Il-politika soċjali

L-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jispjega fid-dettall l-għanijiet tal-politika soċjali tal-UE: il-promozzjoni tal-impjiegi, it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien, it-trattament indaqs tal-ħaddiema, protezzjoni soċjali adegwata skont il-ħtieġa, id-djalogu soċjali, l-iżvilupp tar-riżorsi umani mmirati lejn il-kisba ta’ livell għoli u sostenibbli ta’ impjiegi, kif ukoll il-ġlieda kontra l-esklużjoni.

Barra minn hekk, l-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jagħti forza vinkolanti lid-drittijiet soċjali fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. L-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE introduċa klawżola soċjali orizzontali. Id-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-azzjonijiet tal-UE għandhom jieħdu f’kunsiderazzjoni r-rekwiżiti soċjali li ġejjin:

  • il-promozzjoni ta’ livell għoli ta’ impjiegi;
  • il-garanzija ta’ protezzjoni soċjali adegwata;
  • il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali;
  • livell għoli ta’ edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa umana.

Il-politika soċjali hija primarjament ir-responsabbiltà tal-pajjiżi tal-UE. Madankollu, ċerti aspetti huma kompetenza komuni tal-UE.

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu jadottaw miżuri ta’ inċentiva sabiex jappoġġjaw u jikkumplimentaw l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE f’ċerti oqsma, bħall-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali. Huma jistgħu jadottaw ukoll rekwiżiti minimi fil-forma ta’ direttivi, jiġifieri leġiżlazzjoni li tippermetti lill-pajjiżi tal-UE jadottaw dispożizzjonijiet addizzjonali aktar stretti. Dawn id-direttivi jikkonċernaw biss:

  • is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema;
  • il-kundizzjonijiet tax-xogħol;
  • is-sigurtà soċjali u l-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema (il-pajjiżi tal-UE jibqgħu responsabbli mid-definizzjoni tal-prinċipji fundamentali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom);
  • il-protezzjoni tal-ħaddiema fil-każ ta’ terminazzjoni tal-kuntratt tal-impjieg tagħhom;
  • l-għoti ta’ informazzjoni u protezzjoni lill-ħaddiema;
  • ir-rappreżentanza kollettiva u d-difiża tal-interessi tal-ħaddiema u ta’ dawk li jħaddmu;
  • il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-persuni mhux ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment fit-territorju tal-UE;
  • l-integrazzjoni tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol;
  • l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f’dak li għandu x’jaqsam mat-trattament tagħhom fir-rigward tal-impjiegi.

L-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri tista’ titwettaq mill-imsieħba soċjali.

ARA WKOLL

Alkuun