Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Kooperazzjoni strutturata permanenti

It-Trattat ta' Lisbona introduċa l-possibilità għal ċerti pajjiżi tal-UE li jsaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fi kwistjonijiet militari billi joħolqu kooperazzjoni strutturata permanenti (Artikoli 42(6) u 46 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE)). Sabiex jagħmlu dan, pajjiżi interessati għandhom jissodisfaw 2 kundizzjonijiet prinċipali pprovduti fil-Protokoll Nru 10 anness mat-Trattat:

  • jiżviluppaw b'mod intensiv kapaċitajiet ta' difiża permezz tal-iżvilupp ta' kontribuzzjonijiet nazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom f'forzi multinazzjonali, fil-programmi Ewropej prinċipali dwar it-tagħmir, u fl-attivitajiet tal-Aġenzija Ewropea tad-Difiża fil-qasam tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet tad-difiża, ir-riċerka, l-akkwisti u l-armamenti;
  • ikollhom il-kapaċità sal-2010 li jipprovdu unitajiet tal-ġlied u loġistika ta' appoġġ għall-kompiti li hemm referenza għalihom fl-Artikolu 43 tat-TUE fi żmien perjodu ta' bejn 5 u 30 jum u, jiddependi fuq il-ħtiġijiet, għal perjodu ta' 30 sa 120 jum.

L-Aġenzija Ewropea tad-Difiża tivvaluta l-kontribuzzjonijiet tal-pajjiżi parteċipanti regolarment.

Pajjiżi tal-UE li jixtiequ jikkostitwixxu kooperazzjoni strutturata permanenti għandhom jinnotifikaw l-intenzjoni tagħhom lill-Kunsill u lir-Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Politika tal-Affarijiet Barranin u tas-Sigurtà. Wara din in-notifika, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni b'maġġoranza kkwalifikata li tistabbilixxi kooperazzjoni strutturata permanenti u l-lista tal-pajjiżi parteċipanti. Is-sħubija ta' pajjiżi ġodda jew is-sospensjoni ta' wħud minnhom tiġi deċiża mill-Kunsill b'maġġoranza kkwalifikata tal-membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni strutturata permanenti. Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet meħudin fi ħdan il-qafas ta' kooperazzjoni strutturata permanenti bħal din huma adottati b'mod unanimu tal-membri tal-Kunsill parteċipanti biss.

ARA WKOLL

Top