Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Migrazzjoni u ażil

L-Artikolu 67 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lil Unjoni Ewropea (UE) l-kompitu li tassigura li ma jkunx hemm kontrolli fuq il-persuni fil-fruntieri interni u li tfassal politika komuni dwar l-ażil, l-immigrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri esterni, ibbażata fuq is-solidarjetà bejn l-Istati Membri tal-UE li tkun ġusta għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

L-Artikolu 77 TFUE jirrikjedi li l-UE tiżviluppa politika dwar il-verifiki fil-fruntieri fuq persuni u monitoraġġ effiċjenti tal-fruntieri esterni, l-assenza ta’ kontrolli fuq persuni fil-fruntieri interni u l-introduzzjoni gradwali ta’ sistema integrata ta’ ġestjoni tal-fruntieri għall-fruntieri esterni.

L-Artikolu 78 TFUE jirrikjedi li l-UE tiżviluppa politika komuni dwar l-ażil, protezzjoni sussidjarja u protezzjoni temporanja, bil-ħsieb li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jkollu bżonn protezzjoni internazzjonali u biex tassigura ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement (prinċipju ewlieni tal-liġi internazzjonali tar-rifuġjati u tad-drittijiet umani li ma jħallix li l-istati jibagħtu lura individwi f’pajjiż fejn hemm riskju veru li jkunu suġġetti għal persekuzzjoni, tortura, trattament inuman jew degradanti jew ksur ta’ drittijiet oħra).

Taħt l-Artikolu 79 TFUE, il-politika dwar l-immigrazzjoni tal-UE tipprova timmaniġġja l-flussi migratorji biex tassigura t-trattament ġust ta’ nazzjonli ta’ pajjiżi terzi residenti legalment fi Stati Membri u biex tevita u tikkumbatti l-immigrazzjoni illeġali u t-traffikar ta’ bnedmin.

Fejn tidħol l-immigrazzjoni legali, l-UE għandha l-poter tistabilixxi l-kundizzjonijiet li jirregolaw id-dħul ġo u residenza legali ġo Stat Membru, inkluż għal skopijiet ta’ riiunifikazzjoni tal-familja, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-Istati Membri, madanakollu, għandhom diskrezzjoni fuq l-għadd ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu jistgħu jidħlu biex ifittxu x-xogħol.

L-UE tipprova timpedixxi u tnaqqas l-immigrazzjoni illegali, b’mod partikolari permezz ta’ politika ta’ ritorni u riammissjonijiet, b’mod li tirrispetta d-drittijiet umani.

Skont l-Artikolu 80 TFUE, il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u ażil hi regolata mill-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri.

Matul is-snin, l-UE baqgħet tiżviluppa u tirraffina l-approċċ komuni tagħha għall-migrazzjoni u l-ażil. Mill-1999, l-UE ħadmet biex tistabilixxi sistema Ewropea komuni tal-ażil. Fl-2020, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-Patt il-Ġdid tagħha dwar li-Migrazzjoni, li jkopri l-elementi kollha differenti meħtieġa għal approċċ komprensiv Ewropew għall-migrazzjoni u li jipprova jassigura konsistenza akbar biex jintegra l-aspetti interni u esterni tal-politiki dwar il-migrazzjoni. Il-Kummissjoni tipproponi proċeduri integrati aħjar, imtejba, iktar veloċi fis-sistema kollha tal-ażil u l-migrazzjoni u tfittex li tassigura qafas bilanċjat komuni li jiġbor flimkien l-aspetti kollha tal-politika tal-ażil u l-migrazzjoni. Tagħraf li ritorni effettivi jeħtieġu proċeduri mtejba ġol-UE biex inaqqsu l-frammentazzjoni ta’ approċċi nazzjonali u biex ikun hemm kooperazzjoni msaħħa u solidarjetà rinforzata bejn l-Istati Membri.

Il-politika tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil tapplika għall-Istati Membri kollha ħlief għad-Danimarka li għandha esklużjoni fakultattiva skont il-Protokoll 22, u l-Irlanda li tgawdi d-dritt ta’ inklużjoni fakultattiva għal miżuri speċifiċi skont il-Protokoll 21.

Il-politika tal-UE dwar il-fruntieri tappartjeni għall-acquis ta’ Schengen u tapplika għall-Istati Membri kollha u l-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) skont il-Protokoll 19. L-Irlanda ma tiħux sehem f’miżuri tal-acquis ta’ Schengen relatati mal-fruntieri.

ARA WKOLL

Top