Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Galileo

Galileo hija Sistema Globali Ewropea ta’ Navigazzjoni Satellitari (GNSS). Hija sistema ċivili taħt kontroll ċivili u tipprovdi informazzjoni ta’ pożizzjonar, navigazzjoni u ħin għal utenti pubbliċi u privati differenti. Bħalissa, l-għadd ta’ utenti diġà laħaq żewġ miljuni madwar id-dinja.

Għalkemm Galileo ġiet disinjata biex tiffunzjona b’mod indipendenti minn sistemi eżistenti oħra, hija kompletament kompatibbli mal-GPS tal-Istati Uniti. Dan jippermetti lill-manifatturi tar-riċevituri u żviluppaturi tal-applikazzjonijiet jiżviluppaw tagħmir li jaħdem mingħajr xkiel ma’ aktar minn sistema waħda.

L-infrastruttura ta’ Galileo ser tkun tikkonsisti minn konstellazzjoni ta’ satelliti u netwerk globali ta’ stazzjonijiet fuq l-art. Is-sinjali mxandra mis-sistema jipprovdu servizz mill-aqwa li jista’ jintuża minn varjetà kbira ta’ setturi bħat-trasport (fuq l-art, bl-ajru, marittima, ferrovjarja), l-agrikoltura, l-immappjar u surveying, eċċ. Galileo qed tintuża ħafna aktar ukoll fi drones biex tiżgura navigazzjoni bla xkiel, u f’operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Barra minn hekk, servizzi bbażati fuq il-post u servizzi preċiżi ħafna tal-ħin jipprovdu opportunitajiet għas-sinkronizzazzjoni tan-netwerks fis-setturi tal-enerġija u t-telekomunikazzjoni.

L-Aġenzija tal-UE għall-Programm Spazjali (EUSPA) hija aġenzija responsabbli għall-operazzjonijiet u l-forniment tas-servizzi ta’ Galileo u EGNOS, is-Sistema Ewropea ta’ Navigazzjoni b’Kopertura Ġeostazzjonarja, li ttejjeb il-prestazzjonijiet tan-navigazzjoni satellitari fuq l-Ewropa għal applikazzjonijet tas-sigurtà tal-ħajja.

Galileo tintuża f’applikazzjonijiet u tagħmir li jvarjaw minn smartphones sa oġġetti li jintlibsu u minn ajruplani sa vetturi personali. Il-leġiżlazzjoni li ġejja tagħmel użu mill-benefiċċji ta’ Galileo:

  • Minn April 2018, il-mudelli tal-karozzi l-ġodda kollha mibjugħa fl-UE għandhom ikunu mgħammra b’kapaċitajiet ta’ Galileo, kif meħtieġ mir-regolament eCall (Regolament (UE) 2015/758).
  • Minn Ġunju 2019, takografi intelliġenti jeħtieġ li jkunu kompatibbli ma’ Galileo (Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/799).
  • Minn Ottubru 2021, tagħmir li jintuża’ abbord li juża n-navigazzjoni satellitari, assoċjata mas-sistemi ta’ pedaġġ elettroniku, jeħtieġ li jkun kompatibbli ma’ Galileo (Direttiva (UE) 2019/520).
  • Minn Marzu 2022, l-ismartphones kollha mibjugħa fl-UE għandhom jinkorporaw kapaċitajiet ta’ GNSS, tal-inqas kapaċità ta’ Galileo, biex l-informazzjoni tan-navigazzjoni satellitari tista’ tipprovdi informazzjoni tal-post ta’ min qed jagħmel it-telefonata lis-servizzi tal-emerġenza f’emerġenzi (Regolament Delegat (UE) 2019/320).

ARA WKOLL

Top