Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE)

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) huwa l-uffiċċju tal-prosekuzzjoni pubblika indipendenti tal-UE u huwa responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-ġudizzju ta’ dawk li jwettqu reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE bħal frodi, inkluża frodi transfruntiera tal-VAT b’danni ta’ iktar minn €10 miljun, ħasil tal-flus ta’ assi derivati mill-frodi tal-baġit tal-UE, u korruzzjoni u miżapproprjazzjoni li jaffettwaw il-fondi tal-UE. L-UPPE huwa kompetenti wkoll għal reati rigward parteċipazzjoni f’organizzazzjoni kriminali, jekk il-fokus tal-attività kriminali ta’ organizzazzjoni kriminali bħal din huwa li twettaq reati li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE.

L-UPPE ġie stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, li ġie adottat minn 22 pajjiż tal-UE permezz tal-proċedura ta’ kooperazzjoni msaħħa. Pajjiżi tal-UE mhux parteċipanti jistgħu jiddeċiedu li jissieħbu fil-UPPE fi kwalunkwe stadju.

L-UPPE se jopera bħala uffiċċju uniku organizzat f’livell ċentrali u deċentralizzat. L-Uffiċċju Ċentrali, li jinsab fil-Lussemburgu, jinkludi Kulleġġ iffurmat mill-Kap Prosekutur Ewropew u 22 Prosekutur Ewropew, wieħed għal kull pajjiż parteċipanti.

Il-livell deċentralizzat huwa inkorporat fis-sistema tal-ġudizzjarja ta’ kull pajjiż tal-UE li jipparteċipa u magħmul minn mill-inqas żewġ Prosekuturi Delegati Ewropej, li għandhom ikunu membri attivi tas-servizz tal-prosekuzzjoni pubblika jew tal-ġudikatura meta jinħatru bħala Prosekuturi Delegati Ewropej.

L-Uffiċċju Ċentrali jikkoordina u jissorvelja l-investigazzjonijiet li jsiru fit-territorju tal-pajjiż parteċipanti tal-UE mill-Prosekuturi Delegati Ewropej. Il-każijiet jitressqu quddiem il-qrati nazzjonali.

L-UPPE jaħdem fi sħubija mill-qrib mal-Eurojust, l-Europol u l-OLAF (l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi) u jikkoopera ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-UE u l-awtoritajiet ta’ pajjiżi tal-UE mhux parteċipanti u ta’ pajjiżi mhux tal-UE, bħala organizzazzjonijiet internazzjonali.

ARA WKOLL

Top