Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Proċedura ta’ konsultazzjoni

Skont l-Artikolu 289 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-konsultazzjoni hija proċedura leġiżlattiva speċjali, bħala forma ta’ eċċezzjoni għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja fl-Artikolu 294. Din tirrikjedi li l-Kunsill jieħu f’kunsiderazzjoni l-opinjoni tal-Parlament Ewropew u, fejn indikat fit-Trattati, dawk tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku Ewropew, tal-Kumitat tar-Reġjuni u tal-Bank Ċentrali Ewropew.

Madankollu, il-Kunsill mhuwiex attwalment marbut bil-pożizzjoni tal-Parlament iżda biss bl-obbligu li jikkonsultah. In-nuqqas ta’ tali konsultazzjoni jagħmel l-att illegali u li jista’ jiġi annullat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, meta l-Kunsill ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta b’mod sostanzjali, huwa jintalab jerġa’ jikkonsulta lill-Parlament.

Din il-proċedura hija applikabbli f’għadd limitat ta’ oqsma ta’ politika, bħall-eżenzjonijiet għas-suq intern u l-liġi dwar il-kompetizzjoni, kif ukoll kwistjonijiet finanzjarji u aspetti ta’ proprjetà intellettwali u kwistjonijiet amministrattivi. Hija tintuża wkoll għall-adozzjoni ta’ strumenti bħal rakkomandazzjonijiet u opinjonijiet maħruġa mill-Kunsill u mill-Kummissjoni.

ARA WKOLL:

Top