21.10.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/14


Appell ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2019 minn Maria Alvarez y Bejarano et mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-30 ta’ April 2019 fil-Kawżi magħquda T-516/16 u T-536/16, Alvarez y Bejarano et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-517/19 P)

(2019/C 357/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Maria Alvarez y Bejarano, Ana-Maria Enescu, Lucian Micu, Angelica Livia Salanta, Svetla Shulga, Soldimar Urena de Poznanski, Angela Vakalis, Luz Anamaria Chu, Marli Bertolete, Maria Castro Capcha, Hassan Orfe El, Evelyne Vandevoorde (rappreżentanti: S. Orlandi, T. Martin, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni li ma jibqa’ jingħata ebda leave għal raġuni ta’ distanza u l-ebda rimbors għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali lir-rikorrenti mis-sena 2014;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jsostnu li s-sentenza appellata hija vvizzjata b’diversi żbalji ta’ liġi.

L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 67 u 75 tas-sentenza billi llimitat il-portata tal-istħarriġ ġuridiku li hija għandha twettaq għall-każijiet “manifesti” biss.

It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-punti 70 sa 73 tas-sentenza meta ddeċidiet li r-rikorrenti ma kinux f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik tal-aġenti li żammew il-benefiċċju tal-leave għal raġuni ta’ distanza u tar-rimbors tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar annwali tagħhom.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet fil-punti 69 u 80 sa 86 tas-sentenza li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità.