27.5.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/22


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour de cassation (Franza) fit-12 ta’ Marzu 2019 — XR vs Conseil de l’ordre des avocats au barreau de Paris, Bâtonnier de l’ordre des avocats au barreau de Paris, Procureur général près la cour d’appel de Paris

(Kawża C-218/19)

(2019/C 182/27)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Cour de cassation

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: XR

Konvenuti: Conseil de l’ordre des avocats au barreau de Paris, Bâtonnier de l’ordre des avocats au barreau de Paris, Procureur général près la cour d’appel de Paris

Domandi preliminari

1)

Il-prinċipju li skontu t-Trattat tal-Komunità Ekonomika Ewropea li, wara emenda, sar it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ħoloq l-ordinament ġuridiku tiegħu stess, integrat fis-sistemi ġuridiċi tal-Istati Membri u li huwa impost fuq il-qrati tagħhom, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħmel l-għoti ta’ eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ lawrja previsti, fil-prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, tar-rekwiżit ta’ għarfien biżżejjed, mill-awtur tat-talba għal eżenzjoni, tad-dritt nazzjonali ta’ oriġini Franċiż, u b’hekk teskludi li jittieħed inkunsiderazzjoni għarfien simili tad-dritt biss tal-Unjoni Ewropea?

2)

L-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva l-eżenzjoni mill-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u ta’ lawrja previsti, fil-prinċipju, għall-aċċess għall-professjoni ta’ avukat, lil ċerti membri tal-persunal tas-servizz pubbliku tal-istess Stat Membru li, f’dik il-kapaċità, eżerċitaw fi Franza attivitajiet ġuridiċi f’amministrazzjoni jew f’servizz pubbliku jew f’organizzazzjoni internazzjonali, u teskludi mill-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni l-membri tal-persunal jew l-ex membri tal-persunal tas-servizz pubbliku Ewropew li eżerċitaw f’din il-kariga attivitajiet ġuridiċi f’qasam wieħed jew iktar tad-dritt tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea?