24.9.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/16


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2018 – WI vs Il-Kummssijoni

(Kawża T-379/18)

(2018/C 341/28)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: WI (rappreżentanti: T. Bontinck u A. Guillerme, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjonijiet ikkontestati;

tordna l-ħlas tal-pensjoni tal-konjuġi superstiti lil [WI];

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu kontra d-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea tas-16 ta’ Awwissu 2017, li tirrifjuta li tagħti pensjoni tas-superstiti lir-rikorrent, kif ukoll id-deċiżjoni konfermattiva, dan tal-aħħar jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-kunċett ta’ konjuġi superstiti kif ukoll ksur tal-Artikolu 1d(2) u tal-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), peress li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq interpretazzjoni restrittiva u żbaljata tal-kunċett ta’ konjuġi superstiti previst mir-Regolamenti tal-Persunal sabiex tiċħad it-talba tar-rikorrent ta’ rikonoxximent tal-istatus tiegħu ta’ konjuġi superstiti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ dmir ta’ premura, peress li, skont ir-rikorrent, il-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali tal-kawża sabiex tinterpreta l-Artikolu 17 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal fis-sens li r-rikorrent jista’ jibbenefika ipso iure minn pensjoni taħt l-istatus tiegħu ta’ konjuġi superstiti.