201806290751986712018/C 249/462842018TC24920180716MT01MTINFO_JUDICIAL20180503363721

Kawża T-284/18: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2018 – Arbuzov vs Il-Kunsill


C2492018MT3610120180503MT0046361372

Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Mejju 2018 – Arbuzov vs Il-Kunsill

(Kawża T-284/18)

2018/C 249/46Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek

Partijiet

Rikorrent: Sergej Arbuzov (Kiev, l-Ukraina) (rappreżentant: M. Mleziva, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/333 tal-5 ta’ Marzu 2018 li temenda d-Deċiżjoni 2014/119/PESK dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fid-dawl tas-sitwazzjoni fl-Ukrajna, sa fejn tikkonċerna lil Sergej Arbuzov.

tiddikjara li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għandu jbati l-ispejjeż tiegħu stess u tikkundannah għall-ispejjeż sostnuti minn Sergej Arbuzov.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent isostni, inter alia, li l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea ma kienx diliġenti biżżejjed u ma tax attenzjoni biżżejjed fl-adozzjoni tad-Deċiżjoni (PESK) 2018/333 tal-5 ta’ Marzu 2018, u dan peress li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma indirizzax l-argumenti tar-rikorrent u l-provi li kien ressaq li jimmilitaw favur dan tal-aħħar, u huwa bbaża dik id-deċiżjoni primarjament fuq is-sunt qasir tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Ukraina u ma talab ebda informazzjoni addizzjonali dwar l-iżvolġiment tal-investigazzjonijiet fl-Ukraina.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-miżuri restrittivi li ttieħdu kontrih huma sproporzjonati, imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju u jammontaw għal ksur tal-garanziji tad-dritt internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà tar-rikorrent.