26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/40


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Jannar 2018 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-53/18)

(2018/C 112/51)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: T. Henze u J. Möller, u M. Winkelmüller, F. van Schewick u M. Kottmann, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1995 tas-6 ta’ Novembru 2017 dwar iż-żamma f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 13341:2005 + A1:2011 dwar tankijiet statiċi termoplastiċi għall-ħażna ’l fuq mill-art ta’ żjut tat-tisħin domestiċi, pitrolju u fjuwils tad-diżil f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2017, L 288, p. 36)

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/1996 tas-6 ta’ Novembru 2017 dwar iż-żamma f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tar-referenza tal-istandard armonizzat EN 12285-2:2005 dwar tankijiet tal-azzar maħdumin fil-ħanut tax-xogħol skont ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2017, L 288, p. 39) kif ukoll

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

Permezz tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Id-deċiżjonijiet ikkontestati ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-kwistjoni ċentrali skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011 (1), dwar jekk l-istandards armonizzati kkonċernati humiex konformi mal-mandat korrispondenti u jekk dawn l-istandards jistgħux jiggarantixxu l-osservanza tar-rekwiżiti fundamentali applikabbli għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni. Isegwi li la r-rikorrenti u lanqas il-Qorti Ġenerali ma huma f’pożizzjoni li jevalwaw fuq liema kunsiderazzjonijiet essenzjali ta’ liġi u ta’ fatt bbażat ruħha fuqhom il-konvenuta.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur ta’ dispożizzjonijiet sostantivi tar-Regolament (UE) Nru 305/2011

L-ewwel nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-ewwel u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 17(5) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Kuntrarjament għal dawn id-dispożizzjonijiet, il-konvenuta tidher li ma eżaminatx sa fejn l-istandards armonizzati kkonċernati huma konformi mal-mandati korrispondenti. Isegwi li hija naqset milli tikkunsidra li tali konformità effettivament ma teżistix.

It-tieni nett, id-deċiżjonijiet ikkontestati jiksru l-Artikolu 18(2) moqri flimkien mal-Artikolu 3(1) u (2) kif ukoll mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament (UE) Nru 305/2011. Il-konvenuta ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-istandards armonizzati kkontestati ma jinkludux metodi u kriterji ta’ evalwazzjoni tal-prestazzjoni korrispondenti għall-karatteristiċi essenzjali tagħhom dwar ir-reżistenza mekkanika u l-istabbiltà strutturali kif ukoll ir-reżistenza għall-frammentazzjoni jew il-kapaċità tat-tagħbija ta’ tankijiet għal użu, previsti mill-kamp ta applikazzjoni tal-istandards fiż-żoni ta’ terremoti u ta’ għargħar u li għalhekk huma insuffiċjenti fir-rigward ta’ tliet karatteristiċi essenzjali tal-prodotti għall-kostruzzjoni u li bħala konsegwenza dan jipperikola l-osservanza tar-rekwiżiti fundamentali applikabbli għax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.

It-tielet nett, il-konvenuta wettqet żball ta’ evalwazzjoni sa fejn, kuntrarjament għall-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 305/2011, ċaħdet bħala inammissibbli ż-żieda ta’riżerva mitluba mir-rikorrenti għall-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandards armonizzati kkontestati.

Fl-aħħar nett, fl-adozzjoni tal-atti kkontestati, il-konvenuta kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni ieħor sa fejn ċaħdet it-talba sussidjarja tar-rikorrenti għat-tħassir tar-referenza ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-istandards ikkonċernati billi rreferiet għal possibbiltà, skont il-Kummissjoni, ta’limitazzjoni jew ta’ projbizzjoni mill-Istati Membri.


(1)  Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU 2011 L 88, p. 5).