26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/33


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ Jannar 2018 – Ir-Repubblika tal-Litwanja vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża T-19/18)

(2018/C 112/43)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas, R. Krasuckaitė, R. Dzikovič, G. Taluntytė, V. Vasiliauskienė, M. Palionis u A. Dapkuvienė)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

1.

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2014 tat-8 ta’ Novembru 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR), sa fejn tipprevedi l-impożizzjoni, fuq il-Litwanja, ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 9 745 705,88 fir-rigward tal-infiq marbut mal-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

2.

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2014 tat-8 ta’ Novembru 2017 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq li ġarrbu l-Istati Membri fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (l-FAEG) u fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (l-FAEŻR), sa fejn tipprevedi l-impożizzjoni, fuq il-Litwanja, ta’ korrezzjoni finanzjarja ta’ EUR 546 351,91 fir-rigward tal-infiq marbut mal-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali;

3.

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

I.

Billi imponiet korrezzjoni ta’ EUR 9 745 705,88 għal nuqqas f’kontrolli ewlenin, il-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kummissjoni”) kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sa fejn, meta ddeċidiet dwar il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità, dwar in-natura tal-ksur u dwar id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea u:

1.

billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 24(1) u (2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, b’mod żbaljat hija kkonkludiet li l-evalwazzjonijiet tal-eliġibbiltà tal-applikanti mwettqa fil-Litwanja huma insuffiċjenti peress li:

1.1

il-kontrolli mwettqa mill-awtoritajiet Litwani fir-rigward tar-rabta bejn impriża u impriża konnessa jew impriża msieħba li tinsab barra l-pajjiż ma kinux magħmula bir-reqqa meħtieġa għall-għan li l-istatus tal-applikanti jiġi kkonfermat bħala dak ta’ impriżi żgħar jew ta’ daqs medju;

1.2

fil-Litwanja, il-monitoraġġ ta’ proġetti rrikonoxxuti bħala riskjużi minħabba suspett ta’ kundizzjonijiet artifiċjali huwa ineffettiv;

2.

billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 24(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, b’mod żbaljat hija kkonkludiet li l-kwalità tal-kontrolli mwettqa fil-Litwanja tan-natura raġonevoli tal-ispejjeż kienet insuffiċjenti;

3.

billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 26(1)(d) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, b’mod żbaljat ikkonkludiet li s-sistema ta’ kontrolli fuq il-post applikata fil-Litwanja hija insuffiċjenti;

4.

billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 24(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 65/2011, b’mod żbaljat hija kkonkludiet li l-oġġetti akkwistati f’wieħed mill-proġetti li ġew ikkontrollati kienu essenzjalment użati għal għanijiet differenti minn dawk tal-proġett.

II.

Billi imponiet korrezzjoni ta’ EUR 546 351,91 għal nuqqas f’kontrolli ewlenin u anċillari, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 sa fejn, meta ddeċidiet dwar il-gravità tan-nuqqas ta’ konformità, dwar in-natura tal-ksur u dwar id-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea:

1.

hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kalkoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Litwanja f’dak li jikkonċerna d-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea li huwa konness ma’ diverġenzi tas-sistema ta’ penalità li jirrigwardaw ksur fir-rigward tal-identifikazzjoni u tar-reġistrazzjoni ta’ annimali u li ma hemmx provvediment għalihom fil-miżuri rilevanti tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2014;

2.

hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-kalkoli mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Litwanja fir-rigward tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-Unjoni Ewropea li huwa konness ma’ evalwazzjoni klementi wisq tan-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżiti għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ annimali, fir-rigward tas-sena ta’ talba 2014;

3.

ukoll billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, b’mod żbaljat hija kkonkludiet li fil-Litwanja l-analiżi tar-riskju ma kinitx tikkonforma ma’ dak ir-regolament peress li l-fatturi ta’ riskju marbuta mal-annimali ma kinux inklużi fiha;

4.

ukoll billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni inkorretta tal-Artikolu 84 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009, b’mod żbaljat hija kkonkludiet li l-monitoraġġ imwettaq fil-Litwanja tar-riżultati ta’ kontrolli ma kienx jikkonforma ma’ dak ir-regolament, peress li l-istatistika kienet ipprovduta mingħajr osservanza sħiħa tal-mudelli tal-Kummissjoni.