5.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 399/28


Appell ippreżentat fil-21 ta’ Settembru 2018 minn Brugg Kabel AG u Kabelwerke Brugg AG Holding mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-441/14, Brugg Kabel AG u Kabelwerke Brugg AG Holding vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-591/18 P)

(2018/C 399/36)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Brugg Kabel AG, Kabelwerke Brugg AG Holding (rappreżentanti: A. Rinne u M. Lichtenegger, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

1.

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-441/14 u d-deċiżjoni tal-parti l-oħra fil-proċedura tal-appell tat-2 ta’ April 2014 (Każ AT.39610 – Kejbils tal-elettriku) sa fejn tikkonċerna lill-appellanti;

2.

sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 1 u d-deċiżjoni tal-parti l-oħra fil-proċedura tal-appell imsemmija fil-punt 1, sa fejn

(a)

l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti huwa ta’ EUR 8 490 000, u

(b)

l-appellanti ġew ikkundannati għall-ispejjeż.

u tnaqqas l-ammont tal-multa konformement mat-talbiet imressqa mill-appellanti fl-ewwel istanza skont l-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja;

3.

iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali msemmija fil-punt 1 u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

4.

tikkundanna lill-parti l-oħra fil-proċedura tal-appell għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw sitt aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

L-ewwel aggravju: ksur tad-drittijiet tad-difiża peress li t-talba għal informazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġew trażmessi bl-Ingliż

Fir-rigward tal-verżjonijiet lingwistiċi tat-talba għal informazzjoni u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-appellanti, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-livell ta’ komprensjoni eċċessivament baxx kien suffiċjenti. Hija kellha tiżgura li d-destinatarju jkun jista’ jifhem l-ilmenti fl-intier tagħhom, billi jingħata l-possibbiltà li jagħżel il-verżjoni lingwistika komprensibbli għalih, għall-finijiet ta’ difiża eżawrjenti. Ma huwiex biżżejjed li l-ilmenti jinftiehmu “suffiċjentement” fir-rigward tan-natura u tal-portata tagħhom, sabiex wieħed “ikun jista’ utilment jadotta pożizzjoni f’dan ir-rigward”.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li, f’dan ir-rigward, ma hijiex l-utilità tar-risposti tal-Kummissjoni li hija rilevanti iżda pjuttost l-fatt li l-impriża kkonċernata setgħet tiddefendi ruħha b’mod eżawrjenti kontra l-ilmenti minkejja r-rifjut tal-Kummissjoni li trendi disponibbli verżjoni lingwistika oħra.

It-tieni aggravju: ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba rifjut ta’ aċċess għall-osservazzjonijiet ta’ impriżi oħra dwar l-ilmenti

Il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet rekwiżiti eċċessivi fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom l-impriża kkonċernata setgħet tingħata aċċess għar-risposti mhux kunfidenzjali ta’ destinatarji oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandu jingħata aċċess meta l-impriża kkonċernata turi li, fir-rigward tal-ilmenti mressqa, kien hemm ċirkustanzi plawżibbli fil-proċeduri li juru li huwa possibbli li fir-risposti mhux kunfidenzjali ta’ destinatarju ieħor tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet hemm siltiet jew annessi li jiskaġunawh.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li kien hemm ksur tal-prinċipju tal-Istat tad-dritt meta awtorizzat lill-Kummissjoni biss tevalwa r-risposti tad-destinatarji l-oħra tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għal siltiet jew annessi li (potenzjalment) jiskaġunaw. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kienet qiegħda taġixxi kemm bħala korp investigattiv/eżekutorju u korp deċiżjonali kif ukoll bħala korp difenżiv, minkejja li kien impossibbli għaliha li tqis li kellha l-għarfien neċessarju tal-kuntest fattwali.

It-tielet aggravju: ksur tal-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza peress li stabbilixxiet l-14 ta’ Diċembru 2001 bħala d-data tal-bidu tal-ksur

Il-Qorti Ġenerali applikat livell probatorju baxx wisq fir-rigward tal-prova tal-bidu tal-parteċipazzjoni fi ksur uniku u kontinwu. Sabiex taġixxi b’mod korrett, il-Kummissjoni kellha tipproduċi provi preċiżi, konvinċenti u konkordanti li jiġġustifikaw il-konvinzjoni soda li d-data magħżula għall-bidu tal-parteċipazzjoni fil-ksur kienet tikkorrispondi ma’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Dubji oħra residwi kellhom jiffavorixxu lill-impriża kkonċernata, konformement mal-prinċipju ta’ in dubio pro reo.

Il-Qorti Ġenerali naqset milli tirrikonoxxi li, għall-finijiet ta’ konfutazzjoni ta’ provi fattwali, huwa biżżejjed li dawn jiġu kontradetti bi provi fattwali kuntrarji. Fl-interess tal-opportunitajiet ugwali għall-partijiet, l-impriża kkonċernata ma tistax tintalab tipproduċi provi li jiskaġunaw fi proċedura amministrattiva għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet.

Ir-raba’ aggravju: żnaturament tal-provi u ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza permezz ta’ parteċipazzjoni kontinwa fil-ksur bejn it-12 ta’ Mejju 2005 u t-8 ta’ Diċembru 2005.

Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi dwar l-istabbiliment ta’ parteċipazzjoni kontinwa fil-ksur min-naħa tal-appellanti meta, minkejja l-firxa ta’ provi fattwali li kienu kontradittorji u inkonsistenti, hija għamlet konstatazzjoni ċerta u assoluta li l-ksur kien kontinwu u mingħajr interruzzjoni.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali naqset ukoll milli tirrikonoxxi l-kriterju għall-konfutazzjoni ta’ provi fattwali.

Il-ħames aggravju: żnaturament tal-provi, ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza u ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minħabba konstatazzjoni tar-responsabbiltà abbażi ta’ akkordji dwar kejbils tal-elettriku taħt l-ilma, dwar swieq nazzjonali u dwar proġetti ta’ skala kbira.

Il-Qorti Ġenerali applikat livell probatorju baxx wisq u żnaturat il-provi fir-rigward tar-responsabbiltà tal-appellanti għall-partijiet awtonomi u distinti tal-ksur – bħal pereżempju kejbils tal-elettriku, swieq nazzjonali u proġetti ta’ skala kbira – li fir-rigward tagħhom l-appellanti la pparteċipaw u lanqas kellhom interess.

Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-riskji irraġonevoli u sproporzjonati marbuta ma’ interpretazzjoni daqshekk wiesgħa tal-kunċett legali ta’ ksur uniku u kontinwu għal impriżi li ma jkunux ħadu sehem fil-partijiet kollha tal-ksur, iżda li jistgħu jkunu madankollu responsabbli in solidum skont id-dritt nazzjonali għad-dannu kkawżat.

Fid-dawl tal-armonizzazzjoni Ewropea tar-regoli dwar id-dritt għal kumpens, ir-rikors kontra kodebituri fil-livell nazzjonali ma jikkostitwixxix strument xieraq sabiex tiġi kkumpensata l-portata kbira esterna tar-responsabbiltà.

Is-sitt aggravju: ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), u tal-prinċipji ta’ legalità, ta’ proporzjonalità u ta’ ne bis in idem fil-kalkolu tal-ammont tal-multa.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta stabbilixxiet l-2004 bħala s-sena ta’ referenza għall-valur tal-bejgħ, li la kienet rappreżentattiva fir-rigward tal-appellanti u lanqas kienet tirrifletti d-daqs ġenwin jew is-saħħa ekonomika tagħhom.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha, għall-finijiet tad-determinazzjoni tar-responsabbiltà, fuq ksur uniku u uniku, jiġifieri fuq akkordju uniku li jkopri kemm il-konfigurazzjoni “A/R” kif ukoll il-konfigurazzjoni “R” u, min-naħa l-oħra, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-multa, hija ma setgħetx tissepara mill-ġdid artifiċjalment il-partijiet preżubbilment inseparabbli tal-ksur.


(1)  ĠU 2003, L 1, p. 1.