22.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 381/18


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Awwissu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju ta’ Spanja

(Kawża C-556/18)

(2018/C 381/19)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Manhaeve u S. Pardo Quintillán, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta’ Spanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 TFUE, li billi ma ffinalizzax l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-pubbliku dwar ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u billi ma adottax, ma ppubblikax u ma kkomunikax lill-Kummissjoni r-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar għad-distretti tal-baċini tax-xmajjar ta’ Lanzarote, Fuerteventura, Gran Canaria, Tenerife, La Gomera, La Palma u El Hierro, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont l-Artikolu 13(7) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (1), moqri flimkien mal-Artikolu 13(1), mal-Artikolu 14 u mal-Artikolu 15(1) tal-istess direttiva;

tikkundanna lir-Renju ta’ Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2000/60/KE, din daħlet fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fit-22 ta’ Diċembru 2000. Skont l-Artikolu 13(6), il-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar kellhom għaldaqstant jiġu ppubblikati mhux iktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2009 u skont l-Artikolu 13(7), l-ewwel reviżjoni u aġġornament tagħhom kellhom jitwettqu mhux iktar tard mit-22 ta’ Diċembru 2015.

Il-Kummissjoni tqis li billi ma ffinalizzax l-informazzjoni u l-konsultazzjoni tal-pubbliku dwar ir-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar u billi ma adottax, ma ppubblikax u ma kkomunikax lill-Kummissjoni r-reviżjoni u l-aġġornament tal-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċini tax-xmajjar għad-distretti tal-baċini tax-xmajjar ta’ Lanzarote, Fuerteventura, Gran Canaria, Tenerife, La Gomera, La Palma u El Hierro fit-terminu ta’ xahrejn stabbilit fl-opinjoni motivata tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2017, ir-Renju ta’ Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi imposti fuqu skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/60/KE ċċitati iktar ’il fuq.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275.