26.11.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 427/12


Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla għall-eżami mill-ġdid) tas-17 ta’ Settembru 2018 li tiġi eżaminata mill-ġdid is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Awla tal-Appell) mogħtija fid-19 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-646/16 P, Simpson vs Il-Kunsill

(Kawża C-542/18 RX)

(2018/C 427/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali

Rikorrent: Erik Simpson (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Kwistjonijiet li għandhom ikunu s-suġġett tal-eżami mill-ġdid

Il-kwistjoni dwar jekk, b’mod partikolari fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Lulju 2018, Simpson vs Il-Kunsill, tippreġudikax l-unità jew il-koerenza tad-dritt tal-Unjoni sa fejn l-imsemmija Qorti Ġenerali, fil-kapaċità tagħha bħala qorti ta’ appell, iddeċidiet li l-kulleġġ ġudikanti li ta d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea tal-24 ta’ Ġunju 2016, Simpson vs Il-Kunsill, kien kompost b’mod irregolari minħabba irregolarità li kienet taffettwa l-proċedura ta’ ħatra ta’ wieħed mill-Membri ta’ dan il-kulleġġ, li kkawżat ksur tal-prinċipju ta’ qorti legali stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Il-kwistjoni dwar jekk, bħal fil-każ tal-atti msemmija fl-Artikolu 277 TFUE, il-ħatra ta’ Mħallef tistax tkun suġġetta għal stħarriġ tal-legalità inċidentali jew jekk tali stħarriġ tal-legalità inċidentali huwiex – bħala prinċipju jew wara d-dekorriment ta’ ċertu perijodu ta’ żmien – eskluż jew limitat għal ċerti tipi ta’ irregolaritajiet sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà ġuridika u l-awtorità ta’ res judicata.