1.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 352/16


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas (il-Litwanja) fis-26 ta’ Ġunju 2018 – AW, BV, CU, DT vs Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba, Bendrasis pagalbos centras u Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija

(Kawża C-417/18)

(2018/C 352/21)

Lingwa tal-kawża: il-Litwan

Qorti tar-rinviju

Vilniaus apygardos administracinis teismas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AW, BV, CU, DT

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Litwanja, irrappreżentata minn Lietuvos Respublikos ryšių reguliavimo tarnyba, Bendrasis pagalbos centras u Lietuvos Respublikos vidaus reikalų ministerija

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22/KE (1), kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE (2), jimponi l-obbligu li jkun hemm trasmissjoni ta’ informazzjoni dwar il-post minn fejn isiru telefonati minn apparat tal-mowbajl li ma fihx kard SIM?

2)

Meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tippermetti li jsiru telefonati min-numru tat-telefown tal-emerġenza “112” mingħajr kard SIM, dan ifisser li l-informazzjoni dwar il-post minn fejn isiru tali telefonati għandha tkun iddefinita konformement mal-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE?

3)

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali stabbilita fil-punt 4.5.4 tar-Regoli għall-aċċess minn abbonati jew utenti għas-servizzi ta’ emerġenza pprovduti mill-awtoritajiet (fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ mill-11 ta’ Novembru 2011 sal-15 ta’ April 2016), li tipprevedi b’mod partikolari li l-fornituri tan-netwerk pubbliku tal-mowbajl għandhom jittrasmettu l-informazzjoni tal-post bi grad ta’ preċiżjoni li huwa dak tal-kopertura tal-istazzjon bażi (tas-settur) (bl-Ingliż Cell-ID), iżda ma tiddeterminax b’liema grad ta’ preċiżjoni minimu d-distanza) l-istazzjonijiet bażi għandhom jistabbilixxu l-post fejn jinsab min jagħmel it-telefonata lanqas kemm għandha tkun id-densità ta’ fejn għandhom ikunu stabbiliti l-istazzjonijiet bażi (id-distanza bejniethom), tikkonforma mar-regola prevista fl-Artikolu 26(5) tad-Direttiva 2002/22/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE, li skontha l-awtoritajiet regolatorji kompetenti għandhom jiddefinixxu l-kriterji relatati mal-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta dwar il-post fejn jinsab min jagħmel it-telefonata?

4)

Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda jew għat-tieni domanda fis-sens li l-Istati Membri huma marbuta li jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-post għandha tkun stabbilita skont l-Artikolu 26 (5) tad-Direttiva 2002/22/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE, u/jew ir-risposta għat-tielet domanda tkun fis-sens li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma hijiex konformi mal-Artikolu 26 (5) tad-Direttiva 2002/22/KE, kif emendata bid-Direttiva 2009/136/KE, li tipprevedi li l-awtoritajiet regolatorji kompetenti jiddefinixxu l-kriterji għall-preċiżjoni u l-affidabbiltà tal-informazzjoni dwar il-post fejn jinsab min jagħmel it-telefonata, il-qorti nazzjonali għandha, meta tiddeċiedi dwar il-kumpens għad-danni, tikkonstata li hemm rabta kawżali diretta bejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u d-dannu sostnut mill-individwi, jew huwa biżżejjed li hija tikkonstata li hemm rabta kawżali indiretta bejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni u d-dannu sostnut mill-individwi, meta, skont il-leġiżlazzjoni jew il-ġurisprudenza nazzjonali, li tiġi stabbilita tali rabta kawżali indiretta hija biżżejjed sabiex tagħti lok għal responsabbiltà?


(1)  Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU 2002, L 105, p. 5).

(2)  Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 li temenda d-Direttiva 2002/22/KE dwar servizz universali u d-drittijiet tal-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, id-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 dwar il-koperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-infurzar tal-liġijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi (ĠU 2009, L 337, p. 11).