201807060171993492018/C 259/403452018CJC25920180723MT01MTINFO_JUDICIAL20180525282922

Kawża C-345/18 P: Appell ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2018 minn Caviro Distillerie Srl, Distillerie Bonollo SpA, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-211/16, Caviro Distillerie et vs Il-Kummissjoni


C2592018MT2820120180525MT0040282292

Appell ippreżentat fil-25 ta’ Mejju 2018 minn Caviro Distillerie Srl, Distillerie Bonollo SpA, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fil-15 ta’ Marzu 2018 fil-Kawża T-211/16, Caviro Distillerie et vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-345/18 P)

2018/C 259/40Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Caviro Distillerie Srl, Distillerie Bonollo SpA, Distillerie Mazzari SpA u Industria Chimica Valenzana (ICV) SpA (rappreżentant: R. MacLean, Solicitor)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali sa fejn wettqet żball billi ssostitwiet b’mod żbaljat ir-raġunament tagħha stess meta evalwat it-tieni motiv fir-rikors tal-appellanti;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali peress li manifestament għamlet distorsjoni tal-provi prodotti fir-rigward tal-evoluzzjoni u s-sitwazzjoni finali tal-parti mis-suq tal-industrija tal-Unjoni;

tilqa’ t-tieni motiv tal-appellanti fir-rigward tal-evalwazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali tas-sitwazzjoni tal-parti tas-suq u teżerċita s-setgħat tagħha li tiddeċiedi dwar dan il-motiv u tagħti deċiżjoni finali;

sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi b’mod xieraq fuq il-motiv tal-appellanti fuq dan il-punt;

tikkonferma li l-Qorti Ġenerali għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikoli 3(2) u 3(5) tar-Regolament Bażiku ( 1 ) meta waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat il-konklużjonijiet dwar id-dannu materjali;

tikkonferma li l-Qorti Ġenerali ma pprovdietx raġunament suffiċjenti u għamlet argumenti kontradittorji; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti ta’ din il-proċedura kif ukoll għall-ispejjeż tal-proċeduri fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jinvokaw tliet aggravji. It-tliet aggravji kollha ppreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirrigwardaw it-tieni motiv imressaq quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-qosor, il-motivi mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja huma dawn li ġejjin:

1.

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ssostitwiet ir-raġunament tagħha għal dik tal-Kummissjoni meta evalwat is-sinjifikat tat-tnaqqis tal-parti mis-suq tal-industrija tal-Unjoni, f’termini assoluti u relattivi, u/jew manifestament żnaturat il-provi prodotti quddiemha fir-rigward tat-tnaqqis fil-parti mis-suq tal-industrija tal-Unjoni.

2.

Il-Qorti Ġenerali għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni u kisret l-Artikoli 3(2) u u 3(5) tar-Regolament Bażiku meta waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta adottat il-konklużjonijiet tagħha dwar dannu materjali.

3.

Il-Qorti Ġenerali ma pprovdiet ebda motivazzjoni adegwata għad-determinazzjoni tagħha fuq dan il-punt peress li naqset milli tispjega għaliex l-iżball tal-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-parti mis-suq tal-industrija tal-Unjoni ma jistax jiġġustifika l-annullament tar-regolament ikkontestat kif mitlub mill-appellanti. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet argumenti kontradittorji peress li hija kkonstatat żball ta’ evalwazzjoni fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-parti mis-suq tal-industrija tal-Unjoni iżda fl-aħħar nett iddeċidiet favuriha.


( 1 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51).