27.8.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 301/13


Appell ippreżentat fit--2 ta’ Marzu 2018 minn CJ mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-13 ta’ Diċembru 2017 fil-Kawża T-692/16, CJ vs Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

(Kawża C-170/18 P)

(2018/C 301/17)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: CJ (rappreżentant: V. Kolias, Δικηγόρος)

Parti oħra fil-proċedura: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza kollha mogħtija mill-Qorti Ġenerali, fit-13 ta’ Diċembru 2017, fil-Kawża CJ vs ECDC, T-692/16, (ECLI:EU:T:2017:894);

għaldaqstant, fil-każ fejn l-appell ikun iddikjarat fondat, tannulla d-deċiżjoni ġdida ta’ tkeċċija tat-2 ta’ Diċembru 2015 u talloka lill-appellanti r-rimunerazzjonijiet u l-kumpens pekunjarju mitluba quddiem il-Qorti Ġenerali kif ukoll l-interessi legali;

tikkundanna lil ECDC għall-ispejjeż kollha relatati mal-proċedura fl-ewwel istanza u fl-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argumentazzjoni tagħha, żnaturat il-provi u wettqet żball billi kklassifikat legalment il-fatti u billi ddikjarat li l-fatti ma kinux inbidlu bejn id-data tal-pubblikazzjoni u d-deċiżjoni ta’ tkeċċija annullata u dik tad-deċiżjoni l-ġdida ta’ tkeċċija b’mod li jipprekludi l-ECDC milli tadotta mill-ġdid id-deċiżjoni ta’ tkeċċija annullata.

It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argumentazzjoni tagħha, ressqet motivazzjoni insuffiċjenti, wettqet żball billi kklassifikat legalment il-fatti u interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 266 TFUE billi ddikjarat li d-deċiżjoni l-ġdida ta’ tkeċċija ma kinitx sproporzjonata skont l-Artikolu 5(4) tat-Trattat UE.

It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali tat lill-awtorità tar-res judicata portata wisq estiża.

Ir-raba’ aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali:

interpretat b’mod żbaljat is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku CJ vs ECDC fil-Kawżi konġunti F-159/12 u F-161/12 u interpretat b’mod wisq estiż l-awtorità tar-res judicata marbuta ma’ dawn is-sentenzi; u

interpretat b’mod żbaljat l-Artikolu 22a(3) tal-Istatut dwar il-Protezzjoni tal-Informaturi billi ma tatux effettività.

Il-ħames aggravju, ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-regola tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, sussidjarjament, li kklassifikat legalment il-fatti b’mod żbaljat, meta kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx immotivata b’mod li tikkawża dannu morali lill-appellanti.