201806150301954912018/C 231/081682018CJC23120180702MT01MTINFO_JUDICIAL201803057822

Kawża C-168/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Marzu 2018 – Pensions-Sicherungs-Verein VVaG vs Günther Bauer


C2312018MT720120180305MT00087282

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesarbeitsgericht (il-Ġermanja) fil-5 ta’ Marzu 2018 – Pensions-Sicherungs-Verein VVaG vs Günther Bauer

(Kawża C-168/18)

2018/C 231/08Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesarbeitsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Pensions-Sicherungs-Verein VVaG

Konvenut: Günther Bauer

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-protezzjoni ta’ l-impjegati fil-każ ta’ l-insolvenza ta’ min iħaddimhom ( 1 ) huwa applikabbli jekk jingħataw benefiċċji tal-pensjoni okkupazzjonali permezz ta’ skema interokkupazzjonali ta’ previdenza, li hija suġġetta għal sorveljanza Statali tas-servizzi finanzjarji u, minħabba raġunijiet finanzjarji din l-iskema b’mod leġittimu tnaqqas il-benefiċċji tagħha bil-kunsens tal-awtorità ta’ sorveljanza, u skont id-dritt nazzjonali, il-persuna li timpjega għandha tassumi responsabbiltà fil-konfront tal-ex impjegati tagħha għat-tnaqqis tal-benefiċċji, iżda li madankollu l-insolvenza tagħha tipprekludiha milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tpaċi t-tnaqqis tal-benefiċċji?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda?

Taħt liema ċirkustanzi t-telf subit minn ex impjegat minħabba l-insolvenza tal-persuna li timpjega fir-rigward tal-benefiċċji tal-iskema tal-pensjoni okkupazzjonali jista’ jitqies bħala manifestament sproporzjonat u għalhekk iwassal għall-obbligu tal-Istati Membri li jiżguraw protezzjoni minima f’dan ir-rigward, minkejja li l-ex impjegat jirċievi minn tal-inqas nofs il-benefiċċji li jirriżultaw mid-drittijiet miksuba tiegħu għal pensjoni?

3)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2008/94/KE għandu effett dirett u, meta Stat Membru ikun naqas milli jittrasponi jew sempliċement ittraspona b’mod insuffiċjenti din id-direttiva, din id-dispożizzjoni tagħti drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw kontra dan l-Istat Membru quddiem qorti nazzjonali?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda:

Entità rregolata mid-dritt pubbliku li l-Istat Membru stabbilixxa – b’mod vinkolanti għall-persuna li timpjega – bħala instituzzjoni għal protezzjoni minn insolvenza tal-iskemi tal-pensjoni okkupazzjonali, li hija suġġetta għal sorveljanza Statali tas-servizzi finanzjarji u tiġbor il-kontribuzzjonijiet meħtieġa għal protezzjoni minn insolvenza mingħand persuni li jimpjegaw skont id-dritt pubbliku, u li tista’ tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal eżekuzzjoni permezz ta’ att amministrattiv, hija awtorita pubblika tal-Istat Membru?


( 1 ) ĠU 2008, L 283, p. 36.