28.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 182/10


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-28 ta’ Frar 2018 – X BV vs Staatssecretaris van Financiën

(Kawża C-160/18)

(2018/C 182/11)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Hoge Raad der Nederlanden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: X BV

Konvenut: Staatssecretaris van Financiën

Domandi preliminari

1.

L-Artikolu 3(2), (4) and (5) tar-Regolament (KE) Nru 1848/95 (1), moqri flimkien mal-Artikolu 141 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 (2), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-mekkaniżmu ta’ verifika deskritt f’dan l-artikolu, inklużi verifiki ex post, huwa intiż biss li jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti jsiru jafu malajr b’fatti jew b’ċirkustanzi marbuta ma’ sensiela ta’ tranżazzjonijiet li jistgħu jagħtu lok għal dubji dwar jekk il-prezz CIF tal-importazzjoni kif irrapportat huwiex korrett u li jistgħu jagħtu lok għal spezzjoni addizzjonali?

Jew hija l-interpretazzjoni kuntrarja li hija korretta u l-mekkaniżmu ta’ verifika deskritt fl-Artikolu 3(2), (4) u (5) tar-Regolament Nru 1484/95, inklużi verifiki ex post, għandu jiġi interpretat fis-sens li, jekk importatur jagħmel bejgħ mill-ġdid wieħed jew iktar fis-suq Komunitarju bi prezz li jkun inqas mill-prezz CIF tal-importazzjoni tal-kunsinna kif irrapportat, flimkien mal-ammont tad-dazji tal-importazzjoni dovuti, dan ma jkunx konformi mal-kundizzjonijiet meħtieġa (jew mal-kundizzjonijiet dwar il-bejgħ) fis-suq Komunitarju u għalhekk ikunu dovuti dazji addizzjonali għal din ir-raġuni biss? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda tal-aħħar, huwa rilevanti jekk l-importatur għamilx il-bejgħ mill-ġdid imsemmi jew imsemmija bi prezz inqas mill-prezz rappreżentattiv applikabbli? F’dan il-kuntest, huwa rilevanti li qabel il-11 ta’ Settembru 2009 l-prezz rappreżentattiv kien ikkalkolat b’mod differenti milli fil-perijodu wara dik id-data? Barra minn hekk, sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, huwa rilevanti jekk il-konsumatur fl-Unjoni Ewropea u l-importatur humiex impriżi relatati ma’ xulxin?

2.

Jekk mir-risposta għall-kwistjonijiet imqajma taħt l-ewwel domanda jirriżulta li l-bejgħ mill-ġdid b’telf jikkostitwixxi raġuni suffiċjenti sabiex jiġi miċħud il-prezz CIF tal-importazzjoni kif irrapportat, kif għandu jiġi ddeterminat il-livell tad-dazji addizzjonali dovuti? Din il-bażi għandha tiġi stabbilita konformement mal-metodi għad-determinazzjoni tal-valur doganali stabbiliti fl-Artikoli 29 sa 31 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 (3)? Jekk inkella din il-bażi għandha tiġi stabbilit esklużivament fuq il-bażi tal-prezz rappreżentattiv applikabbli? L-Artikolu 141(3) tar-Regolament Nru 1234/2007 jipprekludi l-użu tal-prezz rappreżentattiv kif iddeterminat qabel il-11 ta’ Settembru 2009?

3.

Jekk mir-risposti għall-ewwel u għat-tieni domanda jirriżulta li l-fattur deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk humiex dovuti dazji addizzjonali huwa l-bejgħ mill-ġdid b’telf ta’ prodotti importati fuq is-suq Komunitarju, u li l-prezz rappreżentattiv għandu jittieħed bħala bażi għall-kalkolu tal-livell ta’ dawn id-dazji addizzjonali, l-Artikolu 3(2), (4) u (5) tar-Regolament Nru 1484/95 huwa kompatibbli mal-Artikolu 141 tar-Regolament Nru 1234/2007, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Diċembru 2001, Kloosterboer Rotterdam B.V. (C-317/99, EU:C:2001:681)?


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1484/95 tat-28 ta’ Ġunju 1995 li jistabilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ dazji addizzjonali fuq l-importazzjoni u jiffissa dazji addizzjonali tal-importazzjoni fl-oqsma tal-laħam tat-tjur u l-bajd u għall-albumina tal-bajd, u jħassar ir-Regolament Nru 163/67/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 17, p. 437).

(2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1).

(3)  Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 tat-12 ta’ Ottubru 1992 li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 4, p. 307).