201806010361917382018/C 211/10662018CJC21120180618MT01MTINFO_JUDICIAL201802017822

Kawża C-66/18: Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija


C2112018MT720120180201MT00107282

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs L-Ungerija

(Kawża C-66/18)

2018/C 211/10Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: V. Di Bucci, L. Malferrari, B. De Meester u Talabér-Ritz K, aġenti)

Konvenuta: L-Ungerija

Talbiet

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li l-Ungerija naqset milli twettaq:

l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS [Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi], billi imponiet fuq l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri barranin li jinsabu barra miż-ŻEE l-obbligu li jikkonkludu ftehim internazzjonali bħala rekwiżit sabiex jipprovdu servizzi ta’ tagħlim, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(a) tal-Liġi CCIV tal-2011 kif emendata.

l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE ( 1 ) u, f’kull każ, taħt l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, kif ukoll taħt l-Artikolu XVII tal-GATS, billi imponiet fuq l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri barranin l-obbligu li jipprovdu kors ta’ tagħlim superjuri fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, b’mod konformi mal-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi CCIV tal-2011 kif emendata.

l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 13, 14(3), u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’rabta mar-restrizzjonijiet deskritti iktar ’il fuq.

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-bażi ġuridika tal-provvista ta’ servizzi ta’ tagħlim superjuri fl-Ungerija hija l-Liġi CCIV tal-2011, dwar it-tagħlim superjuri nazzjonali, li l-Artikolu 76(1)(a) tagħha jipprevedi li istituzzjoni ta’ tagħlim superjuri barranija tista’ tipprovdi kors li jwassal għal diploma fit-territorju Ungeriż biss jekk il-Gvern Ungeriż u l-Gvern tal-Istat li fih tinsab is-sede tal-istituzzjoni ta’ tagħlim superjuri barranija jkunu kkonkludew ftehim internazzjonali vinkolanti dwar is-sostenn bħala prinċipju mogħti lill-istituzzjoni sabiex teżerċita attività fl-Ungerija, ftehim li, fil-każ ta’ Stat federali, ikun ibbażat fuq ftehim preċedenti konkluż mal-gvern ċentrali meta dan ma jkollux il-kompetenza li jikkonkludi ftehimiet internazzjonali vinkolanti.

Barra minn hekk, l-Artikolu 76(1)(b) tal-Liġi CCIV tal-2011 jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri barranin li jeżerċitaw attività fl-Ungerija mhux biss talli għandhom ikunu awtorizzati bħala istituzzjonijiet ta’ tagħlim superjuri mill-Istat li fih tinsab is-sede tagħhom, iżda għandhom ukoll joffru, effettivament, kors ta’ tagħlim superjuri fil-pajjiż inkwistjoni.

Fis-27 ta’ April 2017, il-Kummissjoni bdiet proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Ungerija fir-rigward tal-Liġi CCIV tal-2011 kif emendata.

Peress li qieset li r-risposta mogħtija mill-Ungerija ma kinitx sodisfaċenti, fl-14 ta’ Lulju 2017 il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ungerija u b’dan il-mod għaddiet għall-istadju sussegwenti tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

Peress li qieset li lanqas ir-risposta għall-opinjoni motivata ma kienet sodisfaċenti, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi ddikjarat li l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu XVII tal-GATS, l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123/KE, l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE u l-Artikoli 13, 14(3), u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentli tal-Unjoni Ewropea.


( 1 ) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).