30.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/9


Appell ippreżentat fid-29 ta’ Jannar 2018 mill-Kummissjoni Ewropea mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-263/15, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-56/18 P)

(2018/C 152/11)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: K. Herrmann, D. Recchia u S. Noë, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Gmina Miasto Gdynia, Port Lotniczy Gdynia Kosakowo sp. z o.o., Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

L-appellanti titlob il-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-263/15, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo sp. z o. o.;

tiċħad it-tielet ilment fis-sitt motiv bħala infondat;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami mill-ġdid tal-ħames motivi l-oħra,

sussidjarjament:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Novembru 2017 fil-Kawża T-263/15, Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo sp. z o. o., sa fejn il-punt 1 tad-dispożittiv tagħha jinkludi wkoll deċiżjoni dwar l-għajnuna għall-investiment;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għall-eżami mill-ġdid tal-ħames motivi l-oħra,

tirriżerva l-ispejjeż tal-proċeduri tal-ewwel istanza u tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-263/15 għandha tiġi annullata inkwantu hija vvizzjata minn żbalji ta’ liġi, li l-Kummissjoni kkategorizzat fi tliet aggravji:

1.    Klassifikazzjoni legali żbaljata tad-“dritt tal-partjiet ikkonċernati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom” u tal-konsegwenzi legali tal-ksur ta’ dan id-dritt, fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ferriere Nord SpA v Il-Kummissjoni, C-49/05 P.

Id-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri d-Deċiżjoni 2015/1586/UE (1) il-konstatazzjonijiet li l-għajnuna għat-tħaddim għall-kumpannija PLGK kienet inkompatibbli mas-suq intern kienu bbażati fuq żewġ raġunijiet indipendenti. Ir-raġuni prinċipali kienet l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għall-investiment (ara l-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata). In-nuqqas li jiġi ssodisfat l-ewwel kriterju elenkat fil-Linji Gwida tal-2014, jiġifieri il-kontribut tal-għajnuna għat-tħaddim għal għan iddefinit sew ta’ interess komuni kien biss it-tieni raġuni addizzjonali għad-dikjarazzjoni li tali għajnuna hija inkompatibbli mas-suq intern.

Madankollu, ir-raġunament tal-Qorti Ġenerali fil-punti 71 sa 98 tas-sentenza kien ibbażat fuq il-preżunzjoni li l-inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna għat-tħaddim lill-kumpannija PLGK tirriżulta esklużivament mill-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, u l-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet l-evalwazzjoni tagħha fid-dawl tas-sentenza Ferriere Nord, C-54/09 P. Din il-preżunzjoni kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari l-premessi 244 u 245 tagħha (ara t-tieni aggravju iktar ’il quddiem). Li kieku l-Qorti Ġenerali interpretat korrettament id-deċiżjoni kkontestata, kienet tikkonkludi li l-eżami tat-tielet ilment tas-sitt motiv kien ineffettiv, peress li ma setax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

Fil-punti 69 sa 89 tas-sentenza tagħha, il-Qorti Ġenerali wettqet żewġ żbalji ta’ liġi, peress li applikat id-“dritt li jippreżentaw kummenti” tal-partijiet ikkonċernati, previst fl-Artikolu 108(2) TFUE, kuntrarjament għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ferriere Nord SpA vs Il-Kummissjoni, C-49/05 P, punti 78 sa 84. L-ewwel aggravju huwa magħmul minn żewġ partijiet:

i)

żball fil-klassifikazzjoni legali tad-“dritt tal-partijiet interessati li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom” fis-sitwazzjoni li tagħti lok għas-sentenza bħala “formalità essenzjali”, li n-nuqqas ta’ konformità magħha jwassal awtomatikament għall-konstatazzjoni tal-illegalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit l-effett ta’ dan il-ksur fuq is-sitwazzjoni tal-partijiet u fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni (punti 70, 81 u 83 tas-sentenza appellata).

ii)

madankollu, anki jekk jitqies, kif għamlet il-Qorti Ġenerali, li l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għat-tħaddim lill-kumpannija PLGK mas-suq intern kienet ibbażata fuq l-applikazzjoni tal-Linji Gwida tal-2014, li ma huwiex il-każ, il-Qorti Ġenerali interpretat u applikat b’mod żbaljat is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ferriere Nord, C-54/09 P f’dan ir-rigward. Dan peress li, fil-fatt, id-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014 applikati fl-evalwazzjoni tal-għajnuna għat-tħaddim kienu, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet applikati fid-deċiżjoni ta’ revoka abbażi tal-Linji Gwida tal-2015 u għalhekk l-osservazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati dwar il-Linji Gwida tal-2014 ma setgħux ikollhom effett fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni f’dan ir-rigward.

2.    Interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni rrevokata tal-Kummissjoni

Il-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata, fil-punt 89 tas-sentenza tagħha, hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata, fil-punti 84 sa 87 ta’ din is-sentenza, tar-raġuni ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna għat-tħaddim mas-suq intern, stabbilita fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, fis-sens li tirriżulta mil-Linji Gwida tal-2014 u mid-Deċiżjoni 2014/883/UE (2), li ġiet irrevokata. L-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata kienet dovuta għall-interpretazzjoni żbaljata tal-premessa 245 ta’ din id-deċiżjoni.

Fil-premessa 244 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-premessa 227 tad-Deċiżjoni 2014/883/UE rrevokata, u tenniet il-konklużjoni li kienet waslet għaliha f’din id-deċiżjoni li “l-għoti ta’ għajnuna operatorja sabiex jiġi żgurat l-operat ta’ proġett ta’ investiment li jibbenefika minn għajnuna għal investiment inkompatibbli huwa inerentement inkompatibbli mas-suq intern”. Fis-sentenza segwenti tal-premessa 244, il-Kummissjoni tiġġustifika l-konklużjoni kif ġej: “Mingħajr l-għajnuna għall-investiment inkompatibbli, l-ajruport ta’ Gdynia kieku ma jeżistix, peress li huwa ffinanzjat kollu kemm huwa permezz ta’ dik l-għajnuna, u l-għajnuna operatorja ma tistax tingħata għall-infrastruttura tal-ajruport li ma teżistix.”

Madankollu, fil-premessa 245, il-Kummissjoni sostniet li “[d]ik il-konklużjoni skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2005 hija valida bl-istess mod skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014 u biżżejjed biex ikun konstatat li l-għajnuna operatorja mogħtija lill-operatur tal-ajruport hija inkompatibbli mas-suq intern”.

L-espressjoni “valida […] skont il-Linji Gwida dwar l-Avjazzjoni tal-2014” fil-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata ma tfissirx li hija bbażata fuq tali Linji Gwida. Il-punt huwa li din ma tistax tiġi affettwata bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Linji Gwida tal-2014. Mill-premessa 245 tad-deċiżjoni kkontestata, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-inkompatibbiltà tal-għajnuna għat-tħaddim mas-suq intern li tirriżulta mill-inkompatibbiltà mal-għajnuna tal-investiment hija indipendenti (peress li hija bbażata fuq argumentazzjoni oħra) mil-Linji Gwida tal-2014. L-“impreċiżjoni” li semmiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 85 tas-sentenza tagħha fir-rigward tad-deċiżjoni rrevokata ma tistax tikkonfuta l-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata.

3.    Natura sproporzjonata tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata

Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-aggravji preċedenti, il-Kummissjoni tenfasizza li l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li jannulla l-Artikoli 2 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħhom, huwa sproporzjonat. Dan imur lil hinn mill-portata tal-konstatazzjoni, fil-punti 71 sa 89 tas-sentenza, li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali fir-rigward tal-għajnuna għat-tħaddim peress li tinkludi deċiżjoni dwar l-għajnuna għall-investiment. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat b’mod żbaljat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex separabbli, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 2 tagħha. Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kriterju ta’ separazzjoni ta’ att huwa dwar jekk il-konsegwenza tal-annullament ta’ parti minn dan l-att tkunx bidla fil-kontenut tiegħu. L-annullament tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-għajuna għat-tħaddim ma jbiddilx il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata, peress li din id-deċiżjoni tissokta tikkonċerna l-għajnuna għat-tħaddim lill-kumpannija PLGK.


(1)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1586 tas-26 ta’ Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (eks 13/NN u eks 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2015) 1281) (ĠU 2015, L 250, p. 165)

(2)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2014/883/UE tal-11 ta’ Frar 2015 dwar il-miżura SA.35388 (13/C) (ex 13/NN u ex 12/N) — Il-Polonja — It-twaqqif tal-ajruport ta’ Gdynia-Kosakowo (notifikata bid-dokument C(2014) 759) (ĠU 2014, L 357, p. 51)