5.2.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 42/35


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Diċembru 2017 – BTC vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-786/17)

(2018/C 042/49)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: BTC GmbH (Bolzano, l-Italja) (rappreżentanti: L. von Lutterotti u A. Frei, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla l-miżura tal-Kummissjoni Ewropea relatata mal-irkupru parzjali tal-finanzi allokati taħt ir-referenza Ares(2017) 4709558, tas-27 ta’ Settembru 2017, kif ukoll in-nota ta’ debitu korrispondenti (Nota di Addebito) Nru 3241712708, tat-2 ta’ Ottubru 2017, it-tnejn li huma nnotifikati permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-4 ta’ Ottubru 2017 fuq l-indirizz info@btc-srl.com, kif ukoll kwalunkwe att ġuridiku ieħor (anki dawk li ma humiex magħrufa), li ppreċedew l-imsemmija żewġ dokumenti, li huma relatati magħhom jew li huma intiżi għall-eżekuzzjoni tagħhom;

sussidjarjament, tikkonstata, fil-kuntest ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE u l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim ta’ Finanzjament Nru C046311, tad-29 ta’ Ġunju 2007, li l-ammont li l-Kummissjoni titlob mingħand ir-rikorrenti fin-nota ta’ debitu (Nota di Addebito) Nru 3241712708, tat-2 ta’ Ottubru 2017, ma huwiex dovut minn din tal-aħħar u, konsegwentement, li r-rikorrenti tista’ żżomm tali ammont;

iktar sussidjarjament, tikkonstata, ukoll fil-kuntest ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE u l-Artikolu 5(2) tal-Ftehim ta’ Finanzjament Nru C046311, tad-29 ta’ Ġunju 2007, u biss fil-każ li r-rikorrenti tkun debitriċi ta’ kwalunkwe somma fir-rigward tal-Komunità Ewropea abbażi tal-Ftehim ta’ Finanzjament Nru C046311, tad-29 ta’ Ġunju 2007, li s-somma dovuta mir-rikorrenti hija inqas minn dik indikata mill-Kummissjoni Ewropea fin-nota ta’ debitu Nru 3241712708, tat-2 ta’ Ottubru 2017;

f’kull każ, tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż konformement mal-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, abbażi tal-parametri ta’ insolvenza Taljani għall-avukati, konformement mad-digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja Taljan Nru 55/2014, liema spejjez ġew evalwati għal EUR 30 000, flimkien ma’ 15 % għar-rimbors fil-forma ta’ somma f’daqqa skont l-Artikolu 15 tal-Ministeru tal-Ġustizzja Taljan Nru 55/2014, ma’ 4 % bħala kontribuzzjoni statutorja għall-fond tal-avukati, kif ukoll ma’ 22 % bħala l-VAT sa fejn tkun dovuta, bla ħsara għal ċifra sussegwenti iktar preċiża relatata mal-ispejjeż li għandha tiġi kkalkolata matul il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv: invalidità tal-miżura kkontestata minħabba l-perijodu ta’ preskrizzjoni skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 (1)

2.

It-tieni motiv: invalidità tal-miżura kkontestata minħabba ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea abbażi tat-tul sproporzjonat taż-żmien sal-adozzjoni tal-miżura u tan-nota ta’ debitu msemmija iktar ’il fuq (ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli tal-proċedura)

3.

It-tielet motiv: invalidità tal-miżura kkontestata minħabba ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 kif ukoll tal-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-konstatazzjoni żbaljata tal-fatti, tal-motivazzjoni żbaljata, insuffiċjenti u kontradittorja u tal-ksur tad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti

4.

Ir-raba’ motiv: invalidità tal-miżura kkontestata minħabba ksur tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2988/95 u ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea abbażi tal-isproporzjonalità tal-ammont li ntalab jiġi rrimborsat, tan-nuqqas u l-iżball tal-konstatazzjoni tal-fatti u tal-motivazzjoni insuffiċjenti u kontradittorja

5.

Il-ħames motiv: l-ammont li l-Kummissjoni talbet li jiġi rrimborsat mir-rikorrenti fin-nota ta’ debitu (Nota di Addebito) Nru 3241712708 tat-2 ta’ Ottubru 2017 ma huwiex dovut, minħabba ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ bona fide, identifikazzjoni tal-fatti insuffiċjenti u tardiva u evalwazzjoni żbaljata tal-evidenza

6.

Is-sitt motiv: l-ammont li l-Kummissjoni talbet li jiġi rrimborsat mir-rikorrenti fin-nota ta’ debitu (Nota di Addebito) Nru 3241712708 tat-2 ta’ Ottubru 2017 ma huwiex dovut, peress li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni abbażi tar-rapport tal-OLAF huma inkonsistenti mal-fatti

7.

Is-seba’ motiv: l-ammont li l-Kummissjoni talbet li jiġi rrimborsat mir-rikorrenti fin-nota ta’ debitu (Nota di Addebito) Nru 3241712708 tat-2 ta’ Ottubru 2017 huwa, fi kwalunkwe każ, għoli wisq, peress li, skont l-Artikolu 19 tal-Anness II tal-Ftehim ta’ Finanzjament, huma biss l-ammonti li tħallsu indebitament li għandhom jiġu rrimborsati u mhux l-ammonti li tħallsu abbażi ta’ fattura korretta u konformi mal-kuntratt (ksur tal-prinċipju ta’ bona fide u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità)


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 2988/95 tat-18 Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340)