29.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/35


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Novembru 2017 – UPF vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-747/17)

(2018/C 032/49)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Union des Ports de France – UPF (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: C. Vannini u E. Moraïtou, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 5176 finali tas-27 ta’ Lulju 2017 dwar l-għajnuna Nru SA.38398 (2016/C, ex 2015/E) implementata minn Franza (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-kwalifika bħala għajnuna mill-Istat tal-miżura fiskali fl-intier tagħha, bi ksur tal-kriterju relattiv għan-natura ekonomika tal-attività tal-portijiet Franċiżi. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tqis li, meta kkonkludiet li l-eżenzjoni fiskali favur il-portijiet Franċiżi kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma ppreċiżat li l-kwalifika ta’ għajnuna hija limitata biss għall-attivitajiet ekonomiċi tal-portijiet, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, ivvizzjat id-deċiżjoni tagħha bi żball ta’ liġi.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tan-natura ekonomika tal-attivitajiet amministrati mill-portijiet Franċiżi. Ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni wettqet ukoll żball ta’ liġi fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura ekonomika tal-attivitajiet amministrati mill-portijiet Franċiżi, fuq żewġ livelli:

fl-ewwel lok, sa fejn din naqset totalment milli fid-deċiżjoni kkontestata titratta attivitajiet amministrati mill-portijiet Franċiżi;

fit-tieni lok, sa fejn, f’dak li jikkonċerna diversi attivitajiet oħra tal-portijiet Franċiżi, din limitat ruħha biex tirrepeti l-prinċipji ġenerali li jirriżultaw mill-ġurisprudenza tal-QĠUE fil-qasam tal-finanzjament pubbliku ta’ infrastrutturi portwarji mingħajr ma ddeċidiet fir-rigward tan-natura ekonomika jew le tagħhom, meta huwa effettivament inkwistjoni l-kriterju ta’ applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi u fuq insuffiċjenza fil-motivazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet relattivi għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni u l-impatt fuq il-kummerċ bejn Stati Membri, sa fejn kien bi żball li l-Kummissjoni qieset li l-eżenzjoni fiskali inkwistjoni kienet tali li toħloq distorsjoni ta’ kompetizzjoni u li jkollha effett fuq l-iskambji bejn l-Istati Membri, f’dak li jikkonċerna l-portijiet Franċiżi b’mod ġenerali u, b’mod iktar popolari, il-portijiet fil-gżejjer u l-portijiet tat-territorji barranin Franċiżi. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizjata b’insuffiċjenza ta’ motivazzjoni sa fejn il-Kummissjoni ppreżumiet, mingħajr ma sostniet il-pożizzjoni tagħha, li dawn il-kundizzjonijiet kienu sodisfatti f’dan il-każ.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball ta’ liġi fit-tmexxija tal-proċedura ta’ kontroll ta’ għajnuna eżistenti u fuq il-ksur tal-Artikolu 108(1) u (2) TFUE, flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, minn naħa, billi ħtieġet li l-awtoritajiet Franċiżi jippreżentaw il-prova tal-kompatibbiltà mas-suq intern tas-sistema ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-kumpanniji favur il-portijiet Franċiżi, il-Kummissjoni qalbet l-oneru tal-prova u aġixxiet daqs li kieku kienet adita b’talba għal approvazzjoni ta’ sistema għal għajnuna ġdida. Min-naħa l-oħra, meta imponiet fuq l-awtoritajiet Franċiżi li jneħħu purament u sempliċiment l-imsemmija sistema ta’ eżenzjoni mingħajr ma pprovat li xi emenda li tista’ ssir lil din il-miżura ma tkunx tali li din issir kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 108(1) u (2) TFUE, l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2015/1589 u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba sa fejn il-fatt għall-Kummissjoni li teżiġi t-tneħħija tas-sistema ta’ eżenzjoni filwaqt li din tħalli li jkomplu s-sistemi ta’ għajnuna għall-portijiet fi Stati Membri oħra ma jippermettix li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi bejn id-diversi portijiet Ewropej iżda jwassal, b’mod kuntrarju, għal distorsjonijiet ġodda tal-kompetizzjoni, bi ksur dirett tar-rwol fdat lill-Kummissjoni bħala garanti tal-funzjonament tajjeb tas-suq intern. B’hekk, din tal-aħħar kisret il-prinċipju ta’ imparzjalità li huwa l-korollarju neċessarju tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.