29.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/33


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Novembru 2017 – Wattiau vs Il-Parlament

(Kawża T-737/17)

(2018/C 032/46)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Francis Wattiau (Bridel, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: S. Orlandi u T. Martin, avukati)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

taqta’ u tiddeċiedi li:

id-deċiżjoni li tattribwixxilu r-responsabbiltà għal ammont ta’ EUR 843,01, li tinsab fir-rendikont Nru 244 tal-Uffiċċju responsabbli għall-ħlasijiet, hija annullata;

sa fejn huwa meħtieġ, id-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-2 ta’ Awwissu 2017, hija annullata;

il-Parlament huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iqajjem eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tal-ftehim konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u l-fédération des hôpitaux luxembourgeois (il-Federazzjoni tal-Isptarijiet Lussemburgiżi) dwar żieda ta’ 15 % fl-ispejjeż mediċi sostnuti mill-membri affiljati fl-Iskema Komuni ta’ Assigurazzjoni għall-Mard (SKAM) fil-Lussemburgu. Din l-eċċezzjoni ta’ illegalità hija bbażata fuq żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-Artikoli 12 u 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

2.

It-tieni motiv: ksur tal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba stabbilit fl-Artikolu 30 tar-Regolament Nru 966/2012 u fl-Artikolu 43 tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ mard tal-uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.