15.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/22


Rikors ippreżentat fl-24 ta’ Ottubru 2017 – Clestra Hauserman vs Il-Parlament

(Kawża T-725/17)

(2018/C 013/36)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Clestra Hauserman (Illkirch Graffenstaden, Franza) (rappreżentant: J. Gehin, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew li tinsab fl-ittra tiegħu tal-24 ta’ Awwissu 2017, li tinnotifika lir-rikorrenti biċ-ċħid tal-offerta li din kienet ippreżentat għall-lott Nru 55 fil-kuntest tas-sejħa għal offerti INLO-D-UPIL-T-16-AO8 relattiva għall-proġett ta’ estensjoni u ta’ tiġdid tal-bini [Konrad Adenauer] fil-Lussemburgu (iktar ’il quddiem “id-deċiżjoni ta’ ċħid”), kif ukoll id-deċiżjoni li dan il-lott jingħata lil offerent ieħor (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-għoti”);

tikkundanna lill-Parlament Ewropew tħallasha danni fl-ammont ta’ EUR 1 000 893 abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, u f’kull każ is-somma ta’ EUR 50 000 abbażi tal-ispejjeż ta’ preparazzjoni tal-offerta ppreżentata fil-kuntest tas-sejħa għal offerti Nru 2014/S 123-218302;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-natura irregolari tad-deċiżjoni ta’ eliminazzjoni tal-kumpannija Clestra Hauserman sa fejn din tirriżulta mit-twettiq tat-tieni proċedura ta’ sejħa għal offerti mibdija b’mod irregolari skont l-avviż ta’ kuntratt Nru 2016/S 215-391081 tat-8 ta’ Novembru 2016 bħala segwenti għal proċedura ta’ sejħa għal offerti inizjali li kienet wasslet għall-għoti tal-kuntratt lill-impriża rikorrenti.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-assenza ta’ ġustifikazzjoni tal-ammissibbiltà tal-offerta tal-impriża li ngħatat il-kuntratt b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet relattivi għall-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-impriża li ngħatat il-kuntratt (Artikoli 12 u 13 tal-ispeċifikazzjonijiet) u tad-dokumenti meħtieġa fi ħdan l-istedina għall-offerti (Artikoli I sa VI.G).

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-inammissibbiltà tal-offerta tal-impriża li ngħatat il-kuntratt sa fejn l-irregolarità tagħha kellha tiġi kkonstatata abbażi tan-natura anormalment baxxa tagħha u sa fejn minħabba dan l-għażla tagħha tikkostitwixxi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, f’dak li jikkonċerna l-iżvolġiment tat-tieni proċedura ta’ sejħa għal offerti.