27.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 402/45


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Settembru 2017 – ViaSat vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-649/17)

(2017/C 402/60)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: ViaSat, Inc. (Carlsbad, California, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: J. Ruiz Calzado, L. Marco Perpiñà u S. Semey, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni impliċitament negattiva tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta Lulju 2017 li tirriżulta min-nuqqas mill-Kummissjoni li tirrispondi fit-terminu preskritt għar-rikors ta’ konferma mir-rikorrenti, tal-31 ta’ Mejju 2017, fir-rigward tat-talba għalll-aċċess għad-dokumenti rreġistrata fl-20 ta’ Marzu 2017, taħt ir-riferiment GestDem Nru 2017/1725;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż tal-intervenjenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha li tagħti r-raġunijiet skont l-Artikolu 296(2) TFUE.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti targumenta li kien hemm nuqqas assolut li tagħti r-raġunijiet, meta jitqies ir-rifjut impliċitu għal aċċess għad-dokument mitlub, intitolat “Roadmap of measures towards the compliance of selected and authorised MSS operators with common conditions of Decision 626/2008/KE, (1) including intermediate new steps and corresponding time limits”. Sa fejn il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-Kummissjoni wettqet id-dmir tagħha li tagħti r-raġunijiet diġà fl-ittra tar-rifjut tal-5 ta’ Mejju 2017, taħt l-Artikolu 7(1) tar-Regolament 1049/2001, (2) b’risposta għat-talba inizjali tar-rikorrenti, ir-raġunament fih permezz ta’ finzjoni li huwa wkoll ir-raġunament tad-deċiżjoni impliċita, adottata skont l-Artikolu 8(3) ta’ dak ir-regolament, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti Ġenerali biex tikkunsidra l-motivi sussegwenti diretti kontra dak ir-raġunament.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli twettaq eżaminazzjoni konkreta u individwali tad-dokument mitlub.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet u bi żball applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali, kif imsemmi fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni naqset milli tagħti r-raġunijiet u bi żball applikat l-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-investigazzjonijiet, kif imsemmi fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bi żball stabbilit li ma hemm ebda interess superjuri fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni bi żball stabbilit li aċċess parzjali ma kienx possibbli fis-sens tal-Artikolu 4(6) tar-Regolament 1049/2001.


(1)  Deċiżjoni Nru 626/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Ġunju 2008 dwar l-għażla u l-awtorizzazzjoni ta’ sistemi li jipprovdu servizzi mobbli permezz tas-satellita (MSS) (ĠU 2008, L 172, p 15).

(2)  Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).