20.11.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 392/34


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Settembru 2017 – Volotea vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-607/17)

(2017/C 392/43)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Volotea, SA (Barcelona, Spanja) (rappreżentanti: M. Carpagnano, avukat, u M. Nordmann, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla, parzjalment, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tad-29 ta’ Lulju 2016 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.33983 (2013/C) (ex 2012/NN) (ex 2011/NN) implementata mill-Italja bħala kumpens lill-ajruporti ta’ Sardinja għall-obbligi ta’ servizz pubbliku;

tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat it-tifsira ta’ għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1) TFUE.

Ir-rikorrenti tallega, inter alia, li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ benefiċjarju. Hija ssostni wkoll li l-Kummissjoni żbaljat meta kklassifikat l-operaturi tal-ajurporti bħala sempliċi “intermedjarji” bejn ir-reġjun u l-kumpanniji tal-ajru, u dan ifisser li hija naqset milli tqis jekk tali operaturi rċevewx vantaġġ ekonomiku. Barra minn hekk, il-finanzjament ma kienx selettiv. Minbarra dan, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat it-tifsira ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni u effetti fuq il-kummerċ.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat it-tifsira ta’ ġustifikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.

Ir-rikorrenti ssostni li l-asserzjoni tal-Kummissjoni li l-qafas li jirrigwarda servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali ma japplikax għall-attivitajiet inkwistjoni fil-kawża preżenti. Hija ssotni wkoll li l-Linji Gwida tal-Avjazzjoni tal-2005 jistgħu jiġġustifikaw il-finanzjament inkwistjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq li, billi ordnat l-irkupru tal-għajnuna allegatament illegali, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni, li hija nieqsa minn prattika ċara fir-rigward ta’ għajnuna indiretta, ma kellhiex tinsisti fuq l-irkupru.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni ttrattat b’mod żbaljat l-investigazzjoni peress li hija ma investigatx il-miżuri kkontestati b’diliġenza u b’imparzjalità.

Huwa sostnut li l-Kummissjoni ma wettqitx analiżi xierqa fir-rigward tat-test tal-operatur tal-ekonomija tas-suq, minkejja li dan huwa meħtieġ mil-liġi u mitlub f’diversi sottomissjonijiet minn terzi.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni naqset milli tagħti motivazzjoni.

F’dan ir-rigward, huwa sostnut li l-Kummissjoni ma ddiskutietx xi kwistjonijiet legali u fattwali importanti, tat motivazzjoni li ma kinitx inekwivoka, naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni ċerti argumenti importanti mqajma minn terzi u għamlet stqarrijiet li kienu ta’ natura kontradittorja.