23.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 357/27


Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Settembru 2017 – Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-602/17)

(2017/C 357/37)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Renju ta’ Spanja (rappreżentanti: M. Sampol Pucurull u A. Gavela Llopis, agenti)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tiddikjara n-nullità tad-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni tal-Kummissjoni C (2017) 4136, tas-26 ta’ Ġunju, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), settur tal-frott u l-ħaxix, fondi operattivi, sa fejn din tikkonċerna lir-Renju ta’ Spanja.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 26(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011, tas-7 ta’ Ġunju 2011, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (1).

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fil-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ kontroll tal-kriterju ta’ rikonoxximent tal-attività prinċipali tal-organizzazzjoni ta’ produtturi sa fejn tali kontroll huwa ggarantit permezz tal-kontroll adegwat tal-valur tal-produzzjoni kkumerċjalizzata.

Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn il-konklużjoni tal-Kummissjoni ma hijiex koerenti ma’ dik li ntlaħqet preċedentement fl-investigazzjoni FV/2010/004.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 104(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 543/2011 u tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni fil-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ kontroll tal-kriterju ta’ koerenza u kwalità teknika tal-investimenti inkonnessjoni mat-talbiet għal tibdil tal-programm operattiv previst fl-imsemmija dispożizzjoni. F’dan ir-rigward, huwa jispeċifika li l-imsemmi artikolu ma jimponix analiżi limitata għall-istrateġija kummerċjali ta’ organizzazzjoni ta’ produtturi.

Ir-rikorrent isostni wkoll li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, sa fejn il-konklużjoni tal-Kummissjoni ma hijiex koerenti ma’ dik li ntlaħqet preċedentement fl-investigazzjoni FV/2010/004.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 59(c)(iv), tal-Artikolu 60(2) u (5) u tal-Artikolu 65 tar-Regolament Nru 543/2011, kif ukoll tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi.

Ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni wettqet żball manifest fil-valutazzjoni tan-nuqqas ta’ kontroll tal-kriterju ta’ ammissibbiltà tal-programm operattiv, sa fejn l-imsemmi regolament ma jistabbilixxix projbizzjoni li l-infiq li jirriżulta mill-investimenti jiġi pospost għal sena oħra fil-kuntest tal-istess programm operattiv.

Bl-istess mod, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi sa fejn il-konklużjoni tagħha ma hijiex koerenti mar-risposta pprovduta mid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali tal-Agrikoltura tal-Kummissjoni Ewropea, tad-19 ta’ Novembru 2013, fuq talba tal-awtoritajiet Spanjoli dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament.

4

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 52(2) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (2) u tal-linji gwida għall-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji inklużi fid-dokument VI/5530/97.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-korrezzjoni fil-forma ta’ somma f’daqqa li ġiet imposta hija inammissibbli, peress li ma kinux jeżistu nuqqasijiet fil-kontrolli. Subordinatament, ir-rikorrent jikkonferma li l-korrezzjoni hija sproporzjonata u li, fil-każ ineżami, ma hemm lok li tiġi imposta l-ebda korrezzjoni, jew l-iktar l-iktar korrezzjoni ta’ 2 %, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari u l-aġir tal-Kummissjoni fil-każ ineżami.


(1)  ĠU L 157, p. 1.

(2)  ĠU L 347, p. 549.