25.9.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 318/25


Rikors ippreżentat fis-7 ta’ Awwissu 2017 – Hubei Xinyegang Special Tube vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-500/17)

(2017/C 318/32)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Hubei Xinyegang Special Tube Co. Ltd (Huangshi, iċ-Ċina) (rappreżentanti: E. Vermulst u J. Cornelis, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/804, tal-11 ta’ Mejju 2017, li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti pajpijiet u tubi tal-ħadid mingħajr ġonġituri (ħlief tal-ħadid fondut) jew tal-azzar (ħlief tal-azzar inossidabbli), ta’ sezzjoni trasversali tonda, ta’ dijametru estern li jaqbeż l-406,4 mm, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ĠU 2017 L 121, p. 3), għall-inqas sa fejn jikkonċerna r-rikorrenti; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu3(2) u (3) tar-Regolament bażiku (1) u l-Artikoli 3.1 u 3.2 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO meta stabbiliet it-twaqqigħ tal-prezzijiet. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni llimitat ruħha għal paragun matematiku tal-prezzijiet għall-2015 biss mingħajr ma għamlet evalwazzjoni dinamika tat-tibdil u x-xejriet tal-prezzijiet fir-relazzjoni bejn il-prezzijiet tal-importazzjoni u dawk domestiċi. Ir-rikorrenti barra minn hekk issostni li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx it-twaqqigħ tal-prezz għall-prodott kollu kemm hu.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(6) tar-Regolament Bażiku (kif ukoll l-Artikolu 3.5 tal-Ftehim Antidumping tad-WTO) billi bbażat l-analiżi tar-rabta kawżali fuq determinazzjoni illeċita tat-twaqqigħ tal-prezzijiet.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq li l-Kummissjoni, billi stabbilixxiet rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni, għamlet żball manifest meta kkonstatat li (1) kien hemm rabta bejn l-importazzjonijiet iddampjati u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni u (2) li fatturi oħra (tnaqqis fl-esportazzjonijiet u fid-domanda u żieda fl-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra) ma kisrux, individwalment jew kollettivament, din ir-rabta kawżali.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kisret id-dmir tagħha ta’ diliġenza u amministrazzjoni tajba billi rrifjutat li twettaq analiżi tad-dannu u r-rabta kawżali skont is-segment, u b’hekk ma żguratx li l-konstatazzjonijiet tagħha dwar id-dannu u r-rabta kawżali ma kinux ġew distorti.


(1)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21).