24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/63


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2017 – Deutsche Lufthansa et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-342/17)

(2017/C 239/75)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Deutsche Lufthansa AG (Köln, il-Ġermanja), Lufthansa Cargo AG (Frankfurt am Main, il-Ġermanja), Swiss International Air Lines AG (Basel, l-Isvizzera (rappreżentant: S. Völcker, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 1742 final, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru);

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’difett ta’ motivazzjoni peress li l-portata ġeografika tal-ksur ma hijiex indikata mingħajr ambigwità fid-dispożittiv u fl-espożizzjoni tal-motivi.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni tikser l-Artikolu 11 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru peress li hija bbażata fuq kuntatti bejn kompetituri li seħħew fl-Isvizzera u li kienu jaffettwaw prinċipalment it-trasport bl-ajru bejn l-Isvizzera u pajjiżi terzi.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-liġi peress li hija bbażata fuq kuntatti li jaffettwaw biss rotot barra miż-ŻEE u li seħħew qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003 (1).

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru peress li tqis, mingħajr analiżi xierqa, li kuntatti li seħħew barra miż-ŻEE, kuntatti relatati mal-alleanza WOW (alleanza bejn Japan Airlines Cargo, Lufthansa Cargo, SAS Cargo u Singapore Airlines Cargo) u kuntatti relatati mal-ħlas ta’ kummissjonijiet fuq sovrataxxi jifformaw parti mill-istess ksur uniku u kontinwu ma’ kuntatti bejn kompetituri li seħħew fuq il-livell tas-sede.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn hija bbażata fuq l-idea li kuntatti bejn kompetituri li seħħew barra miż-ŻEE jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Skont ir-rikorrenti, ftehimiet jew prattiki miftiehma relatati ma’ merkanzija ttrasportata lejn iż-ŻEE ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE u lanqas ma jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tapplika kriterju ġuridiku żbaljat fl-analiżi dwar jekk l-intervent mill-gvern f’numru ta’ ġurisdizzjonijiet rilevanti jipprekludix l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).