21.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/46


Rikors ippreżentat fit-30 ta’ Mejju 2017 – Air France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-338/17)

(2017/C 277/69)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société Air France (Tremblay-en-France, Franza) (rappreżentanti: A. Wachsmann u S. Thibault-Liger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

prinċipalment, tannulla, fuq il-bażi tal-Artikolu 263 TFUE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea Nru C(2017) 1742 finali tas-17 ta’ Marzu 2017, Każ AT.39258, kollha kemm hi – merkanzija tal-ajru, fir-rigward, kif il-motivi sottostanti d-dipożittiv tagħha, fuq il-bażi tal-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi tagħha;

sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidiex dwar l-annullament għal kollox tad-Deċiżjoni Nru C(2017) 1742 finali fuq il-bażi tal-ewwel, it-tieni jew it-tielet motivi:

fl-ewwel parti,

tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, (1)(c), (2)(c), (3)(c) u (4)(c) tad-Deċiżjoni Nru C(2017) 1742 finali, sa fejn il-ksur uniku u li jkompli adottat kontriha jibbaża fuq provi inammissibbli miġjuba minn Lufthansa fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità mill-multi, u l-motivi sottostanti, l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni sa fejn huwa jimponi multa ta’ EUR 182 920 000, u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, u tnaqqas konsegwentement, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, l-ammont ta’ din il-multa, konformement mal-ewwel motiv tagħha,

tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, (1)(c), (2)(c), (3)(c) u (4)(c) tad-Deċiżjoni Nru C(2017) 1742 finali, sa fejn jeskludi mill-ambitu tal-ksur uniku u li jkompli adottat kontriha kumpanniji tal-ajru msemmija fil-motivi tad-deċiżjoni bħala implikati fil-ksur, u l-motivi sottostanti, l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni sa fejn jimponi multa ta’ EUR 182 920 000, u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, u tnaqqas konsegwentement, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, l-ammont ta’ din il-multa, konformement mat-tieni motiv tagħha,

tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, (2)(c) u (3)(c) tad-Deċiżjoni Nru C(2017) 1742 finali, sa fejn jikkonstata li l-ksur uniku u li jkompli adottat kontriha jinkludi s-servizzi ta’ merkanzija dieħla fiż-ŻEE (traffiku inbound ŻEE), u l-motivi sottostanti, l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni sa fejn jimponilha multa ta’ EUR 182 920 000, u l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni, u jnaqqas konsegwentement, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, l-ammont ta’ din il-multa, konformement mat-tielet motiv tiegħu,

fit-tieni parti, tannulla l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1, (1)(c), (2)(c), (3)(c) u (4)(c) tad-Deċiżjoni Nru C(2017) 1742 finali, sa fejn jikkonstata li r-rifjut li tikkummissjona l-burdnara jikkostitwixxi element separat tal-ksur uniku u li jkompli adottat kontriha, u l-motivi sottostanti, l-Artikolu 3(b) tad-deċiżjoni sa fejn jimponi multa ta’ EUR 182 920 000, u l-Artikolu 4 tad-deċiżjoni, u tnaqqas konsegwentement, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, l-ammont ta’ din il-multa, konformement mar-raba’ motiv tagħha,

fit-tielet parti, tannulla l-Artikolu 3(b) tad-Deċiżjoni Nru C(2017) 1742 finali, sa fejn jimponi multa ta’ EUR 182 920 000 minħabba l-kalkolu ta’ din il-multa jintegra r-rati tal-merkanzija tagħha u 50 % tad-dħul tagħha fir-rigward tas-servizzi ta’ merkanzija dieħla fiż-ŻEE (dħul inbound ŻEE) (konformement tal-ħames motiv tagħha), tkabbar il-gravità tal-ksur adottat kontriha (konformement mas-sitt motiv tagħha), iżżomm tul tal-ksur żbaljat kontriha (konformement mas-seba’ motiv tagħha) u tapplika tnaqqis ta’ multa insuffiċjenti abbażi ta’ sistemi regolatorji (konformement mat-tmien motiv tagħha), kif ukoll il-motivi sottostanti, u tnaqqas, fuq il-bażi tal-Artikolu 261 TFUE, din il-multa għal ammont xieraq;

fi kwalunkwe każ, tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-komunikazzjoni fuq il-klemenza tal-2002 u tal-prinċipji tagħha ta’ aspettattivi leġittimi, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni bejn Air France u Lufthansa li taffettwa l-ammissibbiltà tad-dokumenti prodotti fil-kuntest tat-talba għall-immunità ta’ Lufthansa. Dan il-motiv huwa mqassam f’erba’ partijiet:

L-ewwel parti, ibbażata fuq l-ammissibbiltà tal-ewwel motiv;

It-tieni parti, ibbażata fuq l-irtirar tal-immunità mogħtija lil Lufthansa;

It-tielet parti, ibbażata fuq in-natura inammissibbli tal-provi prodotti fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità;

Ir-raba’ parti, ibbażata fuq il-fatt li n-natura inammissibbli tal-provi prodotti minn Lufthansa fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità għandha neċessarjament twassal għall-annullament tad-deċiżjoni.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ protezzjoni kontra l-intervent arbitrarju tal-Kummissjoni minħabba l-fatt tal-esklużjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-kumpanniji tal-ajru li ħadu sehem fil-prattiki. Dan il-motiv huwa kompost minn żewġ partijiet:

L-ewwel parti, ibbażata fuq l-argument li jgħid li l-esklużjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-kumpanniji li ħadu parti fil-prattiki tkun ivvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni;

It-tieni parti, ibbażata fuq l-argument li jgħid li l-esklużjoni tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-kumpanniji li ħadu sehem fil-prattiki tkun ivvizzjata minn ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni u tal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-intervent arbitrarju tal-Kummissjoni.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur tar-regoli li jiddelimitaw il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni, li twettaq minħabba l-integrazzjoni tat-traffiku inbound ŻEE fil-ksur uniku u li jkompli. Dan il-motiv huwa mqassam f’żewġ partijiet:

L-ewwel parti, ibbażata fuq il-fatt li l-prattiki relatati mat-traffiku inbound ŻEE ma ġewx implementati fi ħdan iż-ŻEE;

It-tieni parti: il-Kummissjoni ma stabbilietx l-eżistenza tal-effetti kklassifikati fi ħdan iż-ŻEE marbutin mal-prattiki relatati mat-traffiku inbound ŻEE.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-kuntradizzjoni tal-motivi u tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jivvizzjaw il-konstatazzjoni li tgħid li r-rifjut li jiġi kkummissjonat lill-burdnara jikkostitwixxi element separat tal-ksur uniku u li jkompli. Dan il-motiv huwa kompost f’żewġ partijiet:

L-ewwel parti li tgħid li l-imsemmija konstatazzjoni hija vvizzjata minn kuntradizzjoni tal-motivi;

It-tieni parti li tgħid li l-imsemmija konstatazzjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-valuri tal-bejgħ meħudin inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-multa ta’ Air France u li jinqasam f’żewġ partijiet:

L-ewwel parti bbażata fuq il-fatt li l-integrazzjoni tat-tariffi fil-valur tal-bejgħ jibbaża fuq kuntradizzjoni tal-motivi, diversi żbalji tad-dritt u żball manifest ta’ evalwazzjoni;

It-tieni parti bbażata fuq il-fatt li l-integrazzjoni ta’ 50 % tad-dħul inbound ŻEE fil-valuri tal-bejgħ jikser il-linji gwida fuq il-kalkolu tal-multi tal-2006 u l-prinċipju non bis in idem.

6.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata tal-gravità tal-ksur, u kompost minn żewġ partijiet:

L-ewwel parti bbażata fuq l-argument li jgħid li s-sopravalutazzjoni tal-gravità tal-prattiki jibbaża fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u ksur tal-prinċipji ta’ proporzjonalità tal-pieni u ta’ ugwaljanza fit-trattament;

It-tieni parti bbażata fuq l-argument li jgħid li s-sopravalutazzjoni tal-gravità tal-prattiki jirriżulta mill-inklużjoni fil-perimetru tal-ksur ta’ kuntatti dwar il-prattiki implementati barra miż-ŻEE bi ksur tar-regoli ta’ kompetenza territorjali tal-Kummissjoni.

7.

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq in-natura żbaljata tal-kalkolu tat-tul tal-ksur.

8.

It-tmien motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni u tal-insuffiċjenza tat-tnaqqis ta’ 15 % mogħti mill-Kummissjoni abbażi tas-sistemi regolatorji.