17.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 231/52


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Mejju 2017 – Coebus et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-330/17)

(2017/C 231/67)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Coebus (Génicourt, Franza), Compagnie des transports voyageurs du Mantois interurbains – CTVMI (Mantes-la-Jolie, Franza), SA des Transports de St Quentin en Yvelines (Trappes, Franza), Les cars Perrier (Trappes), Tim Bus (Magny-en-Vexin, Franza), Transports Voyageurs du Mantois (TVM) (Mantes-la-Jolie) (rappreżentanti: D. de Combles de Nayves, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

b’mod prinċipali, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2017 SA.26763 dwar għajnuna allegata mogħtija lill-impriżi ta’ trasport pubbliku mir-reġjun Ile-de-France sa fejn din tikkunsidra li l-iskema ta’ għajnuna tar-reġjun Ile-de-France stabbilita sa mill-1984 u sal-2008 jikkostitwixxu skema ta’ għajuna ġdida li ġiet “applikata b’mod illegali”;

sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Frar 2017 SA.26763 dwar l-għajnuna allegata mogħtija lill-impriżi ta’ trasport pubbliku mir-reġjun Ile-de-France sa fejn tikkunsidra li l-għajnuna individwali li tirriżulta mill-iskema ta’ għajnuna tar-reġjun Ile-de-Frnace bejn Mejju 1994 u l-25 ta’ Novembru 2008 jikkostitwixxu għajnuna ġdida li ġiet “applikata b’mod illegali”.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv imqajjem fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 108 TFUE, tal-ksur tal-Artikolu 1(b) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 2015/1589”) (ĠU 2015, L 248, p. 9), kif ukoll il-ksur tar-res judicata inerenti għas-sentenzi mogħtija wara rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.

It-tieni motiv imqajjem fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589, sa fejn il-Kummissjoni kkwalifikat bħala miżura li tinterrompi l-preskrizzjoni, miżura li ma kinitx tosserva l-kriterji ta’ kwalifika ta’ din il-kategorija ta’ miżura prevista f’dan l-artikolu.

3.

It-tielet motiv imqajjem fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet proċedurali tat-terzi interessati, sa fejn il-Kummissjoni kkunsidrat fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ li l-preskrizzjoni kienet ġiet interrotta mhux permezz tal-preżentata ta’ rikors quddiem il-qrati amministrattivi, iżda peremzz tal-ewwel talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Novembru 2008.