24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/53


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Mejju 2017 – Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-325/17)

(2017/C 239/67)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV (Amstelveen, il-Pajjiżi l-Baxxi)(rappreżentant: M. Smeets, lawyer)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 1742 finali, tas-17 ta’ Marzu 2017, li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Każ AT.39258 – Trasport bl-ajru) fl-intier tagħha għal ksur tal-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (l-ewwel motiv) u minħabba nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fuq it-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE (it-tieni motiv) (prinċipalment) – għall-ksur tal-Artikolu 49 tal-Karta tad-drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, tal-Artikolu 101 tat-TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru u tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi (1), (ir-raba’ motiv) (prinċipalment);

tannulla l-Artikolu 1(2)(d) u 3(d) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ikkonstatat li r-rikorrenti wettqet ksur fil-qasam tat-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE (it-tieni motiv) (sussidjarjament);

tannulla l-Artikolu 1(1)(d), 2(d), 3(d) u 4(d) tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ikkonstatat li l-ksur uniku u kontinwu jinkludi n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi. (it-tielet motiv),);

sussidjarjament, jekk il-Qorti Ġenerali ma tannullax id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha skont l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motivi, teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha ta’ ġurisdizzjoni sħiħa sabiex tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 3(c) u (d) tad-deċiżjoni kkontestata (l-ewwel, it-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi), u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż jekk il-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni kkontestata kollha kemm hi jew parzjalment jew tnaqqas il-multa.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qed tikser il-projbizzjoni tal-arbitrarjetà tas-setgħat pubbliċi peress li qed teskludi mid-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata impriżi li, skont l-espożizzjoni tal-motivi, aġixxew bl-istess mod bħad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni qed tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fis-sanzjonament għall-ksur, billi timponi fuqha multa u billi esponietha għar-responsabbiltà ċivili filwaqt li din teskludi mid-dispożittiv tad-deċiżjoni l-impriżi li, skont l-espożizzjoni tal-motivi, aġixxew bl-istess mod bħad-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata.

2.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ ġurisdizzjoni fuq it-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE.

Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tibbaża ruħha b’mod żbaljat fuq il-preżunzzjoni li l-ksur uniku u kontinwu fil-qasam tat-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, ġiet implementata fiż-ŻEE.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata b’mod żbaljat fuq il-preżunzjonili l-ksur uniku u kontinwu fil-qasam tat-trasport bl-ajru mill-ajruporti li jinsabu barra miż-ŻEE lejn ajruporti li jinsabu fiż-ŻEE, kellu effett sustanzjali, immedjat u prevedibbli fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE.

3.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni u fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni dwar il-konstatazzjoni li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi jikkostitwixxi element separat tal-ksur.

Ir-rikorrenti ssostni li ż-żewġ preżunzzjonijiet li bbażat ruħha fuqhom il-Kummissjoni sabiex tikklassifika n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq sovrataxxi bħala element separat tal-ksur huma kontradittorji fid-dawl tal-kuntest leġiżlattiv u ekonomiku tal-industrija kkonċernata.

Ir-rikorrenti sostniet ukoll li n-nuqqas ta’ ħlas ta’ kummissjonijiet fuq is-sovrataxxi ma jistax jiġi distint mill-prattiki dwar is-sovrataxxi għall-karburant u fuq is-sovrataxxa għas-sigurtà u li ma tikkostitwixxix element separat tal-ksur.

4.

Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq il-fatt li l-multa ġiet imposta bi ksur tal-prinċipji ta’ legalità u ugwaljanza u ta’ proporzjonalità tal-multi previsti fl-Artikolu 49 tal-Karta tad-drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fl-Artikolu 101 TFUE u fil- Linji gwida dwar il-metodu kif jiġu stabbiliti multi u li hija manifestament żbaljata.

Ir-rikorrenti ssostni li l-valur tal-bejgħ ta’ KLM Cargo li miegħu huwa konness il-ksur huwa l-valur tas-sovrataxxa għall-karburant u għas-sigurtà u mhux għad-dħul mill-bejgħ sħiħ ta’ KLM Cargo.

Il-valur tal-bejgħ ta’ KLM Cargo li fuqu kien ibbażat l-ammont bażiku tal-multa ma għandux jinkludi l-bejgħ ta’ KLM Cargo barra miż-ŻEE.

It-tnaqqis tal-multa ta’ 15 % minħabba l-intervent tal-gvern ma jikkorrispondix għal livell ta’ intervent tal-gvern matul il-ksur.


(1)  Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU C 210, p. 2), iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006.