24.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 239/50


Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Mejju 2017 – Keolis CIF et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-289/17)

(2017/C 239/63)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Keolis CIF (Le Mesnil-Amelot, Franza), Keolis Val d’Oise (Bernes-sur-Oise, Franza), Keolis Seine Sénart (Draveil, Franza), Keolis Seine Val de Marne (Athis-Mons, Franza), Keolis Seine Esonne (Ormoy, Franza), Keolis Vélizy (Versailles, Franza), Keolis Yvelines (Versailles) u Keolis Versailles (Versailles) (rappreżentanti: D. Epaud u R. Sermier, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

prinċipalment, tiddikjara l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-2 ta’ Frar 2017, dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (ex 2012/NN) implementata minn Franza favur impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-reġjun Île-de-France, sa fejn tiddikjara, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-iskema ta’ għajnuna ġiet implementata “illegalement”, minkejja li kienet skema ta’ għajnuna eżistenti;

sussidjarjament, tiddikjara l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat-2 ta’ Frar 2017, dwar l-iskemi ta’ għajnuna SA.26763 2014/C (ex 2012/NN) implementata minn Franza favur impriżi ta’ trasport bix-xarabank fir-reġjun Île-de-Francee, sa fejn tiddikjara, fl-Artikolu 1 tagħha, li l-iskema ta’ għajnuna kienet implementata illegalment, għall-perjodu qabel il-25 ta’ Novembru 1998;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, imqajjem prinċipalment, ibbażat fuq il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna reġjonali inkwistjoni ma kinitx ġiet implementata illegalment, peress li ma kinitx suġġett għall-obbligu ta’ notifika minn qabel. L-iskema ta’ għajnuna reġjonali fil-fatt kienet skema ta’ għajnuna eżistenti, fis-sens tal-Artikolu 108(1) TFUE u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1(b) u l-Kapitolu VI tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589, tat-13 ta’ Lulju 2015, li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2015, L 248, p. 9) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 2015/1589”). Skont ir-regoli applikabbli għall-iskemi ta’ għajnuna eżistenti, l-implementazzjoni tagħhom ma hijiex illegali, peress li l-Kummissjoni tista’ biss tippreskrivi, jekk ikun il-każ, miżuri utli intiżi li bihom jistgħu jinbidlu jew jisparixxu fil-futur.

2.

It-tieni motiv, imqajjem sussidjarjament, ibbażat fuq il-fatt li, anki jekk jitqies li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma tikkostitwixxix skema ta’ għajnuna eżistenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tmur lura fl-eżami tagħha lil hinn mit-terminu ta’ 10 snin qabel il-25 ta’ Novembru 2008, id-data meta l-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Franċiżi talba għal informazzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 2015/1589 jipprevedi li t-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin huwa interrott biss minn miżura meħuda mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru, li jaġixxi fuq talba tal-Kummissjoni. B’hekk, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni setgħet għaldaqstant tmur lura fl-eżami tagħha biss sal-25 ta’ Novembru 1998.