19.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 195/35


Rikors ippreżentat fid-19 ta’ April 2017 – Zhejiang Jndia Pipeline Industry vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-228/17)

(2017/C 195/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Zhejiang Jndia Pipeline Industry Co. Ltd (Wenzhou, iċ-Ċina) (rappreżentant: S. Hirsbrunner, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/141, tas-26 ta’ Jannar 2017, li jimponi dazji antidumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx, imlestija jew le, li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u t-Tajwan (ĠU 2017,L 22, p. 14) sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni, kif ukoll kull parti li hija awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta hija kkunsidrat li t-tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx bi standards tekniċi tal-Istati Uniti u tal-Unjoni kienu interkambjabbli.

Il-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tevalwa l-provi rilevanti b’mod imparzjali sa fejn diversi dikjarazzjonijiet fattwali li jikkonċernaw l-interkambjabbiltà li jinsabu fir-regolament ikkontestat ma humiex preċiżi, huma kontradittorji, jew jagħtu impressjoni żbaljata. B’mod partikolari, l-allegazzjoni li l-uniku importatur li kien ikkoopera kien allegatament naqas milli jipproduċi provi rilevanti ma hijiex preċiża.

Il-Kummissjoni kienet ippreżumiet, b’mod żbaljat, li t-tagħmir iwweldjat tarf ma’ tarf ta’ tubi u pajpijiet tal-azzar li ma jsaddadx kien doppjament iċċertifikat skont l-istandards Ewropej u dawk tal-Istati Uniti. Hija bbażat ruħha unikament fuq allegazzjonijiet tal-aħħar minuta mressqa mil-lanjanti li jidhru għall-ewwel darba fir-regolament ikkontestat innfisu.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset milli tipprovdi motivazzjoni adegwata fir-rigward tal-aġġustament tal-valur normali, u invokat argumenti kontradittorji.

Il-Kummissjoni bbażat ruħha, b’mod żbaljat, fuq l-infiq u fuq id-data ta’ produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-livell xieraq tal-aġġustament. Hija ċaħdet proposta għal aġġustament li kienet ibbażata fuq data tas-suq Ċiniża minħabba raġunijiet li ma kinux iġġustifikati.

F’dan ir-rigward, ir-regolament ikkontestat kien kiser l-Artikolu 20 tar-regolament bażiku u l-Artikolu 296 TFUE, u ma huwiex immotivat suffiċjentement fid-dritt.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq li d-determinazzjoni tal-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni ħadet azzjoni b’mod arbitrarju billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni perijodu alternattiv minkejja li hija kellha d-data rilevanti fil-pussess tagħha minħabba investigazzjoni preċdenti.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq li l-proċedura li wasslet għar-regolament ikkontestat ma hijiex konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħall-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, ta’ trasparenza u tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti.

Il-Kummissjoni ma kinitx ikkomunikat l-“informazzjoni disponibbli” lir-rikorrenti fi żmien xieraq wara l-komunikazzjoni provviżorja. Meta l-Kummissjoni finalent żvelat din l-informazzjoni fl-istess ħin bħad-data u bħall-informazzjoni l-oħra kollha għall-ewwel darba fil-mument tal-komunikazzjoni finali, hija ma kinitx tat biżżejjed żmien lir-rikorrenti sabiex twettaq evalwazzjoni fil-fond.

Hija kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti billi ma pprovditilhiex il-possibbiltà li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha fuq elementi prinċipali bbażati fuq allegazzjonijiet tal-aħħar minuta u mhux ivverifikati mressqa mil-lanjant u li jidhru għall-ewwel darba fir-regolament ikkontestat.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq li r-regolament ikkontestat, adottat fis-26 ta’ Jannar 2017, bi żball jistabbilixxi d-dazji antidumping tar-rikorrenti billi jibbaża fuq id-dispożizzjonijiet tar-regolament bażiku li jipprevedu metodu eċċezzjonali, dak tal-pajjiż analogu, sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali tal-importazzjonijiet ta’ provenjenza mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, filwaqt li d-dritt li jippermetti lill-Unjoni li tapplika tali trattament eċċezzjonali kien skada fil-11 ta’ Diċembru 2016.

L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li tosserva t-termini speċifiċi tal-Protokoll ta’ Adeżjoni taċ-Ċina mal-WTO permezz tad-deċiżjoni tal-Kunsill li tapprova din l-adeżjoni. Inkwantu istituzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tosserva l-impenji internazzjonali meħuda mill-Unjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha.

Ir-regolament ikkontestat huwa wkoll inkompatibbli mal-obbligu tal-Unjoni li tinterpreta r-regoli antidumping tagħha konformement mad-dritt internazzjonali, b’mod partikolari meta d-dispożizzjonijiet tiegħu huma intiżi speċifikament sabiex jagħtu effett lil ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni.