26.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 112/13


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fil-11 ta’ Diċembru 2017 – PORR Építési Kft. vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

(Kawża C-691/17)

(2018/C 112/18)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: PORR Építési Kft.

Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Fellebbviteli Igazgatósága

Domandi preliminari

1)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE (1), u b’mod iktar partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, għandhom jiġu interpetati fis-sens li dawn jipprekludu prassi li skontha l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru, fil-każ li ma tkun twettqet ebda frodi fiskali, tiċħad, fil-mument li fih tistabilixxi t-taxxa, id-dritt għal tnaqqis li jista’ jiġi eżerċitat abbażi ta’ fattura tal-VAT maħruġa konformement mas-sistema ta’ tassazzjoni ordinarja, peress li tqis li għall-korrettezza, fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni, kellha tinħareġ fattura skont is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ inverżjoni tal-ħlas u qabel ma tiċħad dan id-dritt għal tnaqqis hija ma tkunx eżaminat

jekk l-emittenti tal-fattura setax jirrimborsa lid-destinatarju ta’ din tal-aħħar, l-ammont tal-VAT imħallas indebitament, u

jekk l-emittenti tal-fattura setax legalment (skont id-dritt intern tal-Istat Membru) jirrettifikaha biex b’hekk jikseb mingħand l-awtorità fiskali l-irkupru tat-taxxa mħallsa indebitament minnu stess?

2)

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE, u b’mod iktar partikolari l-prinċipji ta’ proporzjonalità, ta’ newtralità fiskali u ta’ effettività, għandhom jiġu interpetati fis-sens li dawn jipprekludu prassi li skontha l-awtorità fiskali ta’ Stat Membru tiċħad, fil-mument li fih tistabilixxi t-taxxa, id-dritt għal tnaqqis li jista’ jiġi eżerċitat abbażi ta’ fattura tal-VAT maħruġa konformement mas-sistema ta’ tassazzjoni ordinarja, peress li tqis li, għall-korrettezza, fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni, kellha tinħareġ fattura skont is-sistema ta’ tassazzjoni ta’ inverżjoni tal-ħlas u li skontha, fil-mument li fih tistabbilixxi t-taxxa, l-awtorità fiskali ma tkunx iddeċidiet li tirrimborsa lid-destinatarju tal-fattura, it-taxxa mħallsa indebitament minkejja l-fatt li l-emittenti tal-fattura jkun ħallas l-ammont tal-VAT lill-awtorità tal-ġbir tat-taxxi?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE ta’ 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).