29.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/17


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Areios Pagos (il-Greċja) fis-27 ta’ Novembru 2017 – Ellinika Nafpigeia AE vs Panagiotis Anagnostopoulos et

(Kawża C-664/17)

(2018/C 032/24)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Areios Pagos

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Ellinika Nafpigeia AE

Konvenuti: Panagiotis Anagnostopoulos et

Domandi preliminari

1)

Skont dak li jipprevedi l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/50/KE (1) u sabiex jiġi kkonfermat jekk hemmx jew le trasferiment ta’ impriża, ta’ negozju jew ta’ parti minn impriża jew minn negozju, “entità ekonomika” għandha tinftiehem li hija unità ta’ produzzjoni kompletament awtonoma, li tista’ tiffunzjona sabiex tilħaq l-iskop ekonomiku tagħha mingħajr l-ebda użu (permezz ta’ xiri, self, kiri jew mod ieħor) tal-fatturi ta’ produzzjoni (materja prima, riżorsi umani, makkinarju, komponenti ta’ prodotti lesti, servizzi ta’ sostenn, riżorsi ekonomiċi u oħrajn) ta’ terzi? Jew huwa biżżejjed, għall-kuntrarju, sabiex ikun hemm “entità ekonomika”, li l-iskop tal-attività tal-unità ta’ produzzjoni jkun distint, li din l-attività jkollha realment l-iskop ta’ impriża ekonomika u li jkun possibbli li torganizza b’mod effettiv il-fatturi tal-produzzjoni (materja prima, magni u tagħmir ieħor, riżorsi umani u servizzi ta’ sostenn) sabiex dan l-iskop jintlaħaq, irrispettivament mill-fatt jekk l-operatur il-ġdid tal-attività jużax fatturi ta’ produzzjoni inklużi dawk esterni, jew jekk ma jirnexxilux jilħaq l-iskop tiegħu f’sitwazzjoni partikolari?

2)

Skont kif previst mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/50/KE, għandu jew le jiġi eskluż trasferiment fil-każ li min isirlu t-trasferiment, min jagħmel it-trasferiment jew it-tnejn li huma jipprevedu mhux biss il-kontinwazzjoni b’suċċess tal-attività mill-operatur il-ġdid, iżda wkoll li fil-futur tispiċċa l-impriża minħabba stralċ tal-impriża?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 98/50/KE tad-29 ta’ Ġunju 1998 li temenda d-Direttiva 77/187/KEE dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferiment ta’ impriżi, negozji jew partijiet ta’ impriżi jew negozji (ĠU 1998 L 201, p. 88).