22.1.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 22/23


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte dei Conti (l–Italja) fl–24 ta’ Ottubru 2017 – Federazione Italiana Golf (FIG) vs Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT, Ministero dell’Economia e delle Finanze

(Kawża C-612/17)

(2018/C 022/34)

Lingwa tal-kawża: it–Taljan

Qorti tar-rinviju

Corte dei Conti

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Federazione Italiana Golf (FIG)

Konvenuti: Istituto Nazionale di Statistica – ISTAT, Ministero dell’Economia e delle Finanze

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” previst fil-punt 20.15 tar-Regolament 549/2013/UE (1) (magħruf bħala s-SEK 2010) għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ bħala li jinkludi wkoll setgħat ta’ gwida ta’ natura sportiva (magħrufa bħala soft law) u setgħat ta’ rikonoxximent, previsti mil-liġi, għall-finijiet tal-akkwist tal-personalità ġuridika u tal-kapaċità li wieħed jaġixxi fis-settur tal-isports, setgħat li t-tnejn li huma ġeneralment jappartjenu lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali Taljani kollha?

2)

L-indikatur ġenerali tal-kontroll previst fil-punt 20.15 tar-Regolament 549/2013/UE (magħruf bħala s-SEK 2010) (“[i]l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-[istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru”) għandu jinftiehem f’sens sostantiv bħala l-kapaċità ta’ tmexxija, ta’ restrizzjoni u ta’ kkundizzjonar tal-attività ta’ tmexxija tal-entità mingħajr skop ta’ lukru, jew dan jista’ jinftiehem f’sens mhux tekniku bħala li jinkludi wkoll setgħat ta’ superviżjoni esterna differenti minn dawk iddefiniti mill-indikaturi speċifiċi tal-kontroll previsti fil-punt 20.15 (a), (b), (c), (d) u (e) (bħal pereżempju setgħat ta’ approvazzjoni tal-baġits, ta’ ħatra tal-awdituri, ta’ approvazzjoni ta’ statuti u ta’ xi tipi ta’ regolamenti, ta’ gwida ta’ natura sportiva jew ta’ rikonoxximent għal finijiet sportivi)?

3)

Abbażi tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt 20.15, 4.125 u 4.126 tar-Regolament Nru 549/2013/UE (magħruf bħala s-SEK 2010), jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tal-membri sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew le tal-kontroll pubbliku, filwaqt li jiġi speċifikat jekk ammont għoli ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, flimkien mar-riżorsi l-oħra tagħha, jistax juri, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni, il-preżenza ta’ kapaċità sinjifikattiva ta’ awtodeterminazzjoni tal-entità mingħajr skop ta’ lukru?


(1)  Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, p. 1).