11.12.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/26


Rikors ippreżentat fit-23 ta’ Ottubru 2017 – Ir-Repubblika Taljana vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-611/17)

(2017/C 424/38)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Taljana (rappreżentanti: G. Palmieri, aġent, P. Gentili, avukat tal-Istat)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament (UE) 2017/1398 tal-Kunsill tal-25 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2017/127 fir-rigward ta’ ċerti opportunitajiet tas-sajd, ippubblikat f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tad-29 ta’ Lulju 2017, Nru L 199, u b’mod partikolari l-punt 2 tal-Artikolu 1, li jemenda l-Anness I D tar-Regolament (UE) 2017/127, il-punt 3 kollu tal-anness tar-regolament ikkontestat (li jinkludi l-emenda tal-Anness I D tar-Regolament (UE) 2017/127), u l-premessi sħaħ 9, 10, 11, 12.

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-ewwel motiv: ksur tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 86/238/KEE dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni fil-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku.

Ma kienx hemm l-obbligu ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni ICCAT dwar il-kwoti tas-sajd tal-pixxispad.

It-tieni motiv: nuqqas ta’ motivazzjoni (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE).

Din id-deċiżjoni hija hekk jew hekk mhux motivata.

It-tielet motiv: ksur tal-Artikoli 17 TUE u 16 tar-Regolament 1380/2013.

Id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva u l-interessi tal-Unjoni.

Ir-raba’ motiv: ksur tal-prinċipji ta’ nonretroattività, ċertezza legali u ta’ kustodja.

F’kull każ, id-deċiżjoni ma setgħetx tiġi applikata għall-istaġun tas-sajd kurrenti.

Il-ħames motiv: nuqqas ta’ motivazzjoni (ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE).

Id-deċiżjoni ma hijiex motivata fil-parti li fiha tadotta, bħala perijodu ta’ riferiment sabiex tqassam il-kwota tat-TAC bejn l-Istati Membri, il-kwadriennju 2012-2015.

Is-sitt motiv: ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5 TUE) u evalwazzjoni żbaljata tal-fatti.

L-esklużjoni tal-perijodu ta’ riferiment tas-snin 2010 u 2011 hija eċċessiva u żbaljata fid-dawl tal-għan, li jiġi inkluż mad-data fuq il-qbid, il-qbid regolari biss.

Is-seba’ motiv: ksur tal-Artikoli 258 u 260 TFUE. Inkompetenza.

Il-Kunsill ma huwiex kompetenti li jissanzjona l-Italja fir-rigward tal-użu tax-xbieki tal-għeżula tat-tisqif.

It-tmien motiv: ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea) u tal-Artikolu 16 tar-Regolament 1380/2013.

L-adozzjoni tal-perijodu ta’ riferiment 2012-2015 ippenalizzat l-Italja, għaliex naqqsitilha l-opportunitajiet tas-sajd, bi ksur tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva u mingħajr indikazzjonijiet adegwati.

Id-disa’ motiv: ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (Artikolu 18 TFUE).

Dan it-tnaqqis jiddiskrimina inġustament kontra s-sajjieda Taljani.

L-għaxar motiv: ksur tal-prinċipji ta’ nonretroattività, ċertezza legali, u ta’ kustodja.

F’kull każ, it-tnaqqis ma kellux jiġi applikat għall-istaġun tas-sajd kurrenti.