24.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/6


Appell ippreżentat fl-14 ta’ Frar 2017 minn TestBioTech eV, European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility eV, Sambucus eV mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (il-Ħames Awla) fil-15 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-177/13, TestBioTech eV, European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility eV, Sambucus eV vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-82/17 P)

(2017/C 129/08)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: TestBioTech eV, European Network of Scientists for Social and Environmental Responsibility eV, Sambucus eV (rappreżentanti: K. Smith QC, J. Stevenson, Barrister)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, European Food Safety Authority, Monsanto Europe, Monsanto Company

Talbiet

tannulla l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza,

teżamina mill-ġdid is-sentenza billi tannulla d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni skont it-talbiet imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali jew, sussidjarjament, tirrinvijja l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami ġdid sħiħ tal-kawża. Id-deċiżjoni dwar dan il-punt tiddependi fuq l-aggravju jew aggravji li ser jintlaqa’ jew jintlaqgħu.

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti fl-appell, u

tordna kull miżura oħra li hija tqis li hija neċessarja.

Aggravji u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016, TestBioTech et vs Il-Kummissjoni (T-177/13, EU:T:2016:736) (“is-sentenza”) innotifikata lir-rikorrenti fid-19 ta’ Diċembru 2016. F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-rikorrenti u intiż għall-annullament ta’ tliet deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, essenzjalment identiċi, indirizzati lir-rikorrenti. Fil-fatt, dawn id-deċiżjonijiet stabbilixxew li l-ilmenti tar-rikorrenti li jikkonċernaw id-Deċiżjoni 2012/347 (1) li tagħti lil Monsanto Europe SA awtorizzazjoni għat-tqegħid fis-suq tal-soja tagħha MON 87701 × MON 89788 abbażi tar-Regolament 1829/2003 (2) dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (iktar ’il quddiem ir-“Regolament AGM”) ma kinix fondati. Suċċessivament sejjer isir riferiment għal dawn id-deċiżjonijiet bħala “deċiżjonijiet tal-Kummissjoni”.

Fil-qosor, meta ċaħdet l-argumenti tar-rikorrenti kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi:

a)

billi ddikjarat inammissibbli ċerti partijiet tar-rikors għal annullament imressqa mir-rikorrenti peress li t-talbiet għal eżami mill-ġdid imressqa skont l-Artikolu 10 tar-Regolament ta’ Aarhus (3) ma kinux jinkludu d-dettalji jew ir-raġunijiet preċiżi kollha invokati quddiem il-Qorti Ġenerali insostenn tal-motivi u/jew li ma kinux ġew issodisfatti rekwiżiti proċedurali oħra.

b)

billi imponiet oneru ta’ prova impossibbli jew li diffiċli li jintlaħaq fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi (“NGO”), li ppreżentaw rikorsi skont l-Artikoli 10 u 12 fl-interess tal-ambjent.

c)

billi ma rrikonoxxietx li d-dokument ta’ gwida ppublikat mill-EFSA skont l-obbligi legali tagħha joħloq aspettattivi leġittimi li għandhom jiġu osservati.

d)

billi stablixxiet li ma kienx neċessarju li tiġi osservata l-evalwazzjoni tas-sigurtà f’żewġ stadji rikjesta mir-Regolament AGM (u mid-dokument ta’ gwida tal-EFSA) u li minflok dan, l-ewwel stadju, jiġifieri l-paragun bejn il-wiċċ tar-raba’ mmodifikat ġenetikament u l-prodotti ta’ riferiment tiegħu, seta’ jkun suffiċjenti waħdu (u kien f’dan il-każ) sabiex jissodisfa l-obbligi previsti mir-Regolament AGM.

e)

billi għamlet riferiment għar-Regolament (KE) Nru 396/2005 (4) (“ir-regolament dawr il-pestiċidi”) sabiex tiċħad ċerti elementi tal-ilment tar-rikorrenti dwar nuqqas ta’ investigazzjoni adegwata tat-tossiċità potenzjali tas-soja u ta’ sorveljanza tal-effetti tas-soja wara l-awtorizzazzjoni.


(1)  Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tat-28 ta’ Ġunju 2012, li tawtorizza l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jkun fihom, li jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti mis-sojja MON 87701 × MON 89788 (MON-877Ø1-2 × MON-89788-1) ġenetikament modifikata skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2012) 4312) (ĠU L 171, p. 13).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, p. 1).

(3)  Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-disposizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠI L 264, p. 13).

(4)  Ir-Regolament (KE) NRU396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-23 ta’ Frar 2005, dwar il-livelli massimi ta’ residwu ta’ pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, p. 1).