6.6.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 178/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság (L-Ungerija) fl-24 ta’ Jannar 2017 – GT vs HS

(Kawża C-38/17)

(2017/C 178/02)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Budai Központi Kerületi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: GT

Konvenuti: HS

Domandi preliminari

Hija kompatibbli mal-funzjonijet tal-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi

u mal-ugwaljanza quddiem il-liġi u d-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea relatati mal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva u ma’ smigħ xieraq, kif ukoll

ma’ ċerti partijiet tal-preambolu tad-Direttiva 93/13/KEE (1) (“[…] Billi ż-żewġ programmi tal-Komunità għal politika tal-protezzjoni u l-informazzjoni tal-konsumatur saħqet fuq l-importanza li jiġu salvagwardati l-konsumaturi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti f’kuntratt; billi din il-protezzjoni għandha tkun provduta mil-liġijiet u r-regolamenti li jew jiġu armonizzati f’livell Komunitarju jew jiġu adottati direttament f’dak il-livell; Billi b’konformità mal-prinċipju stabbilit taħt l-intestatura ‘Protezzjoni tal-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi’, kif imsemmi f’dawk il-programmi: ‘l-akkwirenti ta’ merkanzija jew servizzi għandhom jiġu protetti kontra l-abbuż tal-poter mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, b’mod partikolari kontra kuntratti standard li jiġbdu lejn naħa waħda u l-esklużjoni inġusta ta’ drittijiet essenzali f’kuntratti’; Billi tista’ tinkiseb protezzjoni aktar effettiva tal-konsumatur billi jiġu adottati regoli tal-liġi uniformi fil-kwistjoni ta’ klawżoli inġusti; billi dawk ir-regoli għandhom jgħoddu għall-kuntratti kollha konklużi bejn il-bejjiegħa jew il-fornituri u l-konsumaturi; billi bħala riżultat kuntratti inter alia relatati ma’ l-impieg, kuntratti relatati mad-drittijiet tas-suċċessjoni, kuntratti relatati mad-drittijiet taħt il-liġi tal-familja u kuntratti relatati ma’l-inkorporazzjoni u l-organizzazzjoni ta’ kumpaniji jew ftehim ta’ sħubija għandhom jiġu esklużi minn din id-Direttiva; Billi l-konsumatur għandu jirċievi protezzjoni ugwali taħt kuntratti konklużi bil-kliem u kuntratti bil-miktub minkejja kollox, f’dan l-aħħar każ, jekk il-klawżoli tal-kuntratt ikunux jinsabu f’dokument wieħed jew aktar; Billi, iżda, kif inhuma bħalissa, il-liġijiet nazzjonali jippermettu li tiġi kkunsidrata biss armonizzazzjoni parzjali; billi b’mod partikolari, din id-Direttiva tkopri biss klawżoli kuntrattwali li ma jkunux ġew innegozjati individwalment; billi l-Istati Membri għandu jkollhom l-għażla b’konsiderazzjoni xierqa tat-Trattat, li joffru lill-konsumaturi livell ogħla ta’ protezzjoni permezz ta’ disposizzjonijiet nazzjonali li jkunu aktar stretti minn dawk ta’ din id-Direttiva; […] Billi l-kuntratti għandhom jiġu abbozzati f’lingwa ċara, li tiftiehem, il-konsumatur għandu fil-fatt jingħata opportunità biex jeżamina l-klawżoli kollha u, jekk ikollu xi dubju, l-interpretazzjoni l-aktar favorevoli lejn il-kunsumatur għandha tirbaħ; […]”) u, fl-aħħar nett,

mal-Artikoli 4(2), u 5 tad-Direttiva 93/13/KEE

ġurisprudenza nazzjonali ta’ natura regolatorja [vinkolanti] li (a u/jew b):

a)

ma tobbligax lill-parti li tidħol f’kuntratt mal-konsumatur, bħala rekwiżit ta’ validità tal-kuntratt, tinforma lill-konsumatur bil-klawżoli kuntrattwali qabel l-iffirmar tal-kuntratt, redatti b’mod ċar u li jinftiehem, li jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-kuntratt, inkluż it-tip ta’ kambju applikabbli għall-ħlas ta’ kreditu f’valuta estera, bil-għan li tiġi evitata n-nullità tal-kuntratt;

b)

tippermetti li l-parti li tidħol f’kuntratt mal-konsumatur tikkomunika (pereżempju, f’dokument separat) il-klawżoli kuntrattwali, redatti b’mod ċar u li jinftiehem, li jikkostitwixxu l-għan prinċipali tal-kuntratt, inkluż it-tip ta’ kambju applikabbli għall-ħlas ta’ kreditu f’valuta estera, biss ladarba l-konsumatur ikun diġà ntrabad bl-obbligu irrevokabbli li jimplementa l-kuntratt, mingħajr ma din iċ-ċirkustanza titqies bħala raġuni ta’ nullità tal-kuntratt?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).