6.2.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 38/52


Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Diċembru 2016 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-883/16)

(2017/C 038/68)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tat-28 ta’ Ottubru 2016, dwar l-emenda fil-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni tal-pipeline Opal mill-obbligu tal-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ aċċess minn terzi (TPA) u mil-leġiżlazzjoni dwar it-tariffi maħruġa skont id-Direttiva 2003/55/KE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 36(1)(a) tad-Direttiva 2009/73/KE, moqri flimkien mal-Artikolu 194(1)(b) TFUE, kif ukoll fuq ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà, minħabba l-għoti ta’ eżenzjoni leġiżlattiva ġdida favur il-pipeline Opal, minkejja li din l-eżenzjoni tikkomprometti s-sigurtà tal-provvista tal-gass.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ kompetenza tal-Kummissjoni u fuq ksur tal-Artikolu 36(1), moqri flimkien mal-Artikolu 2(17) tad-Direttiva 2009/73/KE, minħabba l-għoti ta’ eżenzjoni leġiżlattiva ġdida favur il-pipeline Opal, minkejja li dan il-pipeline ma jikkostitwixxix “interkonnessjoni”.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 36(1)(b) tad-Direttiva 2009/73/KE, minħabba l-għoti ta’ eżenzjoni leġiżlattiva ġdida favur il-pipeline Opal, minkejja l-assenza ta’ riskju li l-investiment ma jitwettaqx mingħajr l-għoti ta’ din l-eżenzjoni.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 36(1)(a) u (e) tad-Direttiva 2009/73/KE, minħabba l-għoti ta’ eżenzjoni leġiżlattiva ġdida favur il-pipeline Opal, minkejja l-effett negattiv ta’ tali eżenzjoni fuq il-kompetizzjoni.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur ta’ konvenzjonijiet internazzjonali li jorbtu lill-Unjoni Ewropea, jiġifieri tat-Trattat dwar il-Karta tal-Energija, tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, kif ukoll tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukraina.