12.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 462/38


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ottubru 2016 – Changmao Biochemical Engineering vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-741/16)

(2016/C 462/49)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Changmao Biochemical Engineering Co. Ltd (Changzhou, iċ-Ċina) (rappreżentanti: R. Antonini, E. Monard u B. Maniatis, lawyers)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1247, tat-28 ta’ Lulju 2016, li jimponi dazju antidumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-aspartam li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, bir-rifjut tagħha li tagħti lir-rikorrenti l-istatus ta’ kumpannija li topera fil-kundizzjonijiet ta’ ekonomija tas-suq, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 2(7)(b) u (c) tar-Regolament (UE) 2016/1036 (1) u l-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi, u imponiet oneru tal-prova mhux raġonevoli bi ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, billi bbażat ruħha fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-produtturi tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-valur normali, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament (UE) 2016/1036.

3.

It-tielet motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, bir-rifjut tagħha tal-aġġustamenti, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 2(10), l-Artikolu 3(2)(a) u (3) u l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036 u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

4.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, bil-konklużjoni tagħha li l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 3(2) u (6) [u, sussidjarjament, l-Artikolu 6(7)] tar-Regolament (UE) 2016/1036.

5.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li, billi bbażat ruħha fuq data mhux affidabbli, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 2(7)(a) u l-Artikolu 3(2), (3) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/1036.


(1)  Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, p. 21).