10.10.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 371/10


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Lulju 2016 – CK Telecoms UK Investments vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-399/16)

(2016/C 371/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: CK Telecoms UK Investments Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: T. Wessely u O. Brouwer, avukati, u A. Woods, J. Aitken u M. Davis, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-11 ta’ Mejju 2016, C (2016) 2796 fil-Każ COMP/M.7612 – Hutchison 3G UK Investments Limited/Telefónica (Europe plc), innotifikata lil Hutchison fit-13 ta’ Mejju 2016, li ddikjarat li l-akkwist ta’ Telefónica Europe plc minn Hutchison kien inkompatibbli fl-intier tiegħu mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati ma kull intervent eventwali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

Fil-kuntest tal-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi, żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u kisret il-forom proċedurali sostanzjali billi interpretat u applikat il-kriterju ġuridiku sabiex tevalwa l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati fis-suq bl-ingrossa ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit. B’mod partikolari, il-Kummissjoni żbaljat billi kklassifikat lir-rikorrenti bħala “forza kompetittiva sinjifikattiva” u billi evalwat il-qrubija tar-relazzjoni ta’ kompetizzjoni. Il-Kummissjoni wettqet ukoll żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi analizzat l-effetti previsti fuq il-prezzijiet u l-vantaġġi probabbli tal-entità li rriżultat mill-konċentrazzjoni.

2.

Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li twettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u li l-provi ġew żnaturati għal dak li jirrigwarda l-analiżi tax-xenarju kontrafattwali. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma evalwatx debitament il-kapaċità tan-netwerk ta’ Hutchison meta mqabbla ma’ dik tal-kompetituri tagħha u tibbaża ruħha indebitament fuq l-allegata kapaċità ta’ Hutchison li tieħu inizjattivi ta’ “ġesjoni tad-domanda”, bħaż-żieda fil-prezz, sabiex timmotiva ċ-ċaħda tagħha tal-prova prodotta minn Hutchison għal dak li jirrigwarda l-kapaċità futura tan-netwerk.

3.

Fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li twettqu żbalji fattwali, żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u li nkisru l-forom proċedurali sostanzjali għal dak li jirrigwarda l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati kkawżati mill-qsim tan-netwerk. B’mod partikolari, il-Kummissjoni żbaljat fir-rigward tal-proposti ġodda tagħha li jikkonċernaw in-neċessità u l-portata tal-“allineament” bejn il-kompetituri fil-ftehimiet ta’ qsim tan-netwerk, u l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni billi bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq id-dannu potenzjali kkawżat lill-kompetituri mill-entità li rriżultat mill-konċentrazzjoni iktar milli fuq l-effett ħażin fuq il-kompetizzjoni. Il-Kummissjoni wettqet żbalji oħra billi ċaħdet l-impenji proposti minn Hutchison, li wieġbet b’mod sħiħ għall-preokkupazzjonijiet kollha tagħha dwar il-qsim tan-netwerk.

4.

Fil-kuntest tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li twettqu żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u żbalji ta’ liġi u li nkisru l-forom proċedurali sostanzjali għal dak li jirrigwarda l-effetti orizzontali mhux ikkoordinati li jseħħu fuq is-suq bl-ingrossa tal-aċċess u tal-ġenerazzjoni ta’ telefonati fuq in-netwerks pubbliċi ta’ telefonija mobbli fir-Renju Unit. B’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball billi kkonkludiet li Hutchison hija “forza kompetittiva sinjifikattiva” fis-suq bl-ingrossa minkejja li hija għandha sehem żgħir ħafna tas-suq (inqas minn 3 %), u billi bbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq il-parir ta’ terz minflok ma wettqet l-analiżi tagħha stess.

5.

Fil-kuntest tal-ħames motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li twettqu żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u li nkisru l-forom proċedurali sostanzjali għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-impenji proposti minn Hutchison bi tweġiba għall-preokkupazzjonijiet dwar is-swieq bl-ingrossa u bl-imnut tat-telekomunikazzjonijiet mobbli fir-Renju Unit. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qajmet, b’mod żbaljat, oġġezzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-impenji proposti, billi allegat li l-implementazzjoni tagħhom kienet inċerta; il-Kummissjoni żbaljat manifestament billi evalwat il-kapaċità tal-kompetituri ġodda u iktar b’saħħithom li jikkompetu effettivament abbażi tal-impenji proposti; u l-Kummissjoni żbaljat billi evalwat l-adegwatezza globali tal-impenji proposti sabiex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis tal-kompetizzjoni allegat fid-deċiżjoni.