16.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 312/11


Rikors ippreżentat fid-29 ta’ Lulju 2019 — MU vs Il-Parlament

(Kawża T-40/16)

(2019/C 312/12)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrent: MU (rappreżentant: A. Bruno, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata u tiddikjara l-illegalità tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Diċembru 2015 li tiċħad il-ħlas supplimentari għal trainees b’diżabbiltà previst fl-Artikolu 24(9) tar-Regoli interni li jirregolaw it-traineeships fis-segretarjat tal-Parlament Ewropew;

konsegwentement, tiddikjara id-dritt tar-rikorrent li jingħata l-ħlas supplimentari previst fl-Artikolu 29(9) tar-Regoli li jirregolaw it-traineeships fil-Parlament Ewropew, bħala persuna b’diżabbiltà ta’ 70 %;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew jagħti lir-rikorrent il-kumpens addizzjonali previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli, inklużi l-interessi u rievalwazzjoni monetarja bejn id-data tat-talba amministrattiva u l-pagament effettiv. Tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż u għall-kumpens legali ta’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka dawn il-motivi:

1.

Ir-rikonoxximent tal-ħlas supplimentari għall-persuni b’diżabbiltà, previst fl-Artikolu 24(9) tar-Regoli interni li jirregolaw it-traineeships fis-segretarjat tal-Parlament Ewropew, ma jaqax taħt id-diskrezzjoni tal-Parlament stess.

2.

Il-perċentwali tad-diżabbiltà hija kkonfermata jew stabbilita mill-konsulent mediku tal-Parlament Ewropew skont jekk jibbażax ruħu fuq ċertifikat nazzjonali jew fuq opinjoni ddettaljata tat-tabib tat-trainee, u b’riferiment għall-“iskala Ewropea ta’ evalwazzjoni għal finijiet mediċi tal-integrità fiżika u mentali”.

3.

Is-setgħa diskrezzjonali tal-Parlament Ewropew, jekk saħansitra għandu tali diskrezzjoni f’dan il-każ, ġiet eżerċitata lil hinn mil-limiti tagħha mingħajr ġustifikazzjoni. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jispeċifika li l-leġiżlazzjoni applikabbli tagħmel distinzjoni bejn il-każ fejn id-diżabbiltà tkun ibbażata fuq ċertifikat maħruġ mill-awtorità nazzjonali, bħalma huwa l-każ hawnhekk u f’liema każ tiġi kkonfermata mit-tabib tal-Parlament Ewropew, u l-każ different fejn id-diżabbiltà tkun ibbażata fuq rapport tat-tabib tat-trainee. F’dan il-każ tal-aħħar, u f’dan il-każ biss, il-perċentwali tad-diżabbiltà tiġi stabbilita mit-tabib tal-Parlament Ewropew.