14.3.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 98/48


Rikors ippreżentat fil-31 ta’ Diċembru 2015 – Sony Optiarc u Sony Optiarc America vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-763/15)

(2016/C 098/63)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sony Optiarc, Inc (Atsugi, il-Ġappun) u Sony Optiarc America, Inc (San Jose, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: N. Levy u E. Kelly, Solicitors, u R. Snelders, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Ottubru 2015, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Enonomika Ewropea, mogħtija fil-Każ AT.39639 – apparat li jaqra d-diski ottiċi, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tagħha, tnaqqas l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti minn din id-deċiżjoni; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż legali u għall-ispejjeż l-oħra tar-rikorrenti relatati ma’ din il-kawża.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt u ta’ liġi sa fejn tikkonkludi li r-rikorrenti wettqu ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan.

Il-provi invokati kontra r-rikorrenti huma insuffiċjenti sabiex isostnu l-konklużjoni li r-rikorrenti pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan.

Il-konklużjoni sussidjarja tad-deċiżjoni li r-rikorrenti wettqu każijiet separati ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE minħabba l-għan ma ġietx ipprovata u kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, għaliex tressqet għall-ewwel darba fid-deċiżjoni.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni sussidjarja li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ fatt u ta’ liġi u hija bbażata fuq motivazzjoni insuffiċjenti.

Id-deċiżjoni tiżbalja meta tgħodd għal darbtejn id-dħul li ġie ttrasferit mir-rikorrenti lil destinatarju ieħor tad-deċiżjoni.

Id-deċiżjoni tiżbalja meta tonqos milli tirrikonoxxi l-aġir sostanzjalment iktar limitat tar-rikorrenti meta mqabbel ma’ ċerti destinatarji oħra tad-deċiżjoni u għalhekk meta tonqos milli tapplika għar-rikorrenti koeffiċjent ta’ gravità iktar baxx u ammont addizzjonali iktar baxx u/jew tnaqqis minħabba ċirkustanzi attenwanti.